L-Għaqda tat-Titjir tal-Mudelli tal-Ajruplani ta’ Ħal Far ser tingħata sit alternattiv.
Dan permezz ta’ ftehim bejn Indis Malta, SportMalta, l-Awtorità tal-Artijiet u l- Assoċjazzjoni tat-Titjir tal-Mudelli tal-Ajruplani ta’ Ħal Far, u permezz tiegħu, din l-assoċċjazzjoni se tiġi rilokata miż-żona industrijali ta’ Ħal Far, għal żona fil-periferija tar-raħal. B’hekk dan il-ftehim ser iwitti t-triq għat-twettieq ta’ wiegħda elettorali oħra, il-korsa tat-tlielaq tal-karozzi li b’investiment €20 miljun.
INDIS Malta se tkun qed tgħin f’dan il-ftehim b’mod tekniku u finanzjarju, fosthom b’somma ta’ tlett mija u ħamsin elf ewro fuq perjodu ta’ sena, għal xogħlijiet marbuta mar-rilokazzjoni.
Il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima sostna li dan il-ftehim juri l-impenn tal-Gvern sabiex jgħin fil-qasam tal-isport, mhux biss b’investimenti infrastrutturali jew fl-atleti, iżda anke fl-assoċċjazzjonijiet.
Il-President tal-assoċċjazzjoni, Pierre Bonello sostna li dan il-ftehim ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħidma ta’ bosta entitajiet. Huwa spjega kif din ir-rilokazzjoni tfissir tiġdid għal din l-assoċċjazzjoni.
Bonello tenna, “Ir-rilokazzjoni li rridu nagħmlu hija mportanti għax il-klabb jixtieq jikber, jimraħ u għandna ħafna proġetti għall-quddiem li jekk ma nagħmlux din il-mossa li nimxu, ma nkunux nistgħu inwettquhom.”
Intant, il-Ministru għall-Industrija, Silvio Schembri nnota kif din ir-rilokazzjoni ma jgawdux minnha biss il-membri tal-assoċċjazzjoni, hekk kif din iż-żona se tkun utli sabiex il-Gvern ikun jista’ jwettaq wegħda elettorali oħra.
Il_Ministru stqarr, “Iż-żona se tiġi rilokata, u allura l-assoċċjazzjoni se tkun qed tingħata post ieħor ġewwa Ħal Far iktar kbir, fejn se jkunu jistgħu jipprattikaw dan l-isport b’mod sigur, anke minħabba l-kwistjoni ta’ insurances u ta’ sigurtà, però fl-istess ħin, qed nilliberaw dan il-post sabiex il-proġett tat-trakka issa jgħaddi għall-fażi li jmiss.”