- Imħabbra erba’ proġetti importanti b’investiment ta’ kważi €2 miljuni, immirati lejn it-titjib tas-sigurtà u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg ħabbar li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati u l-Korp tal-Pulizija se jkunu qed jibbenefikaw minn kważi €2 miljuni, li minnhom kważi €1.5 miljun huma ffinanzjati mill-fondi tal-UE.
L-awtorità responsabbli fil-fatt approvat żewġ proġetti għall-Korp tal-Pulizija vvalutati madwar €1.2 miljun – taħt il-Programm 2014-2020 Fond tas-Sigurtà Interna, immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pulizija fejn jidħlu kriminalitajiet elettroniċi u l-integrazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-pulizija, ma’ sistemi oħra internazzjonali, sabiex iżidu l-effiċjenza ta’ kif joperaw u fl-istess waqt itejbu s-sigurtà ta’ Malta.
Dawn il-proġetti jinkludu:
- Aċċess għas-sistemi INTERPOL u EUROPOL għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi – b’valur ta’ iktar minn €560,000;
- Titjib tal-kapaċitajiet tal-unità tal-kriminalitajiet elettroniċi – b’valur ta’ ‘l fuq minn €670,000.
Żewġ proġetti oħra għandhom jiġu implimentati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati – taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (FAMI) 2014-2020, b’valur ta’ kważi €800,000. Dawn il-proġetti jimmiraw biex isaħħu l-proċeduri tal-asil u jinkludu twettiq ta’ intervisti għall-asil permezz ta’ Skype jew video conferences u l-użu ta’ analiżi tal-lingwi u analiżi ta’ dokumenti.
Se jkun hemm iktar proġetti li ħa jiġu approvati fil-ġimgħat li ġejjin li jimmiraw sabiex isaħħu l-mekkaniżmi tas-sigurtà f’Malta kif ukoll jiffaċilitaw l-integrazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern huwa impenjat li jaċċerta iżjed fondi – kemm lokali, kif ukoll minn programmi oħra tal-UE. Huwa qal li dawn il-proġetti huma essenzjali biex jiġi implimentat u miksub il-pjan strateġiku ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà interna.