B’investiment ta’ żewġ miljun ewro, se jibda jiġi rriġenerat ġnien Spencer, fil-Marsa wara snin t’abbandun.
Dan il-proġett, li qed jiġi ffinanzjat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u Ambjent Malta, mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Bħala parti minn dan il-proġett, se jinbnew tliet mixtliet tas-siġar, biex jitkabbar stokk tas-siġar lokali biex jintużaw fi proġetti futuri. Ix-xogħlijiet se jinkludu ukoll it-tpoġġija ta’ sistemi ġodda ta’ kameras tas-sigurtà u t-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi li se jiġu sostitwiti bi speċi lokali.
Il-ġnien se jkollu wkoll mafkar dedikat għal Guido Lanfranco, li ta kontribut kbir għall-qasam ambjentali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Perit Michelle Piccinino, qalet li dan il-ġnien huwa oasi t’ambjent naturali.
Qal, “L-intenzjoni tiegħu hija primarjament li tkun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet li jgħixu u jiffrekwentaw dawn il-postijiet, jiġifieri dan il-post huwa sinonimu anke ma’ uffiċini industrijali u istituzzjonijiet oħrajn.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li waqt il-prċcess tal-ippjanar tal-ġnien, is-sostenibbiltà tpoġġiet fuq quddiem nett b’ħafna miżuri u karatteristiċi tad-disinn li ġew ippjanati speċifikament biex itejbu dan.
Spjega, “Il-mod kif se jiġi mfassal mill-ġdid, ħa ikun qed jilqa’ mhux biss lill-familji, iżda wkoll lil dawk il-ħaddiema li għandhom bżonn iqattgħu l-ħin hawn matul il-ħinijiet tax-xogħol, imma ukoll għal tfal tagħna li jistgħu verament jużawh bħala post ta’ pjaċir għalihom.”