B’investiment ta’ aktar minn €2 miljun għadd ta’ toroq madwar Għawdex qed isiru mill-ġdid b’finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, għamlu żjara fuq il-lant tax-xogħol.
Huma qalu li f’sitt toroq fix-Xagħra, ir-Rabat u l-Qala, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tbiddel is-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ, filwaqt li kompliet testendi n-netwerk tan-New Water.
Qabel it-toroq inksew mill-ġdid bl-asfalt, l-Enemalta wettqet ukoll diversi xogħlijiet ta’ titjib fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fosthom ħejjew il-konnessjonijiet meħtieġa għal substation ġdida.
Dan sabiex tkompli tilqa’ għad-domanda tal-elettriku f’dawn l-inħawi.
Dan il-proġett qed jipprovdi lir-residenti b’toroq aħjar u servizzi aktar affidabbli tal-ilma u l-elettriku.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-infrastruttura fil-gżira Għawdxija baqgħet prijorità u matul din is-sena tkompla l-programm ambizzjuż ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq.
Huwa qal, “Għaldaqstant, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, qegħdin nibnu diversi servizzi, nintroduċu servizzi ġodda, bħalma huwa n-New Water, u fl-istess ħin ukoll inkunu qed ninvestu fi wċuħ tat-toroq ġodda biex, fl-aħħar mill-aħħar, igawdu dawk kollha li se jgħaddu minnhom kif ukoll dawk li se jżuruna.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan l-investiment se jfisser kwalità aqwa ta’ ilma u teknoloġija aktar moderna.
Stqarret, “Se nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna sabiex niprovdu l-aqwa kwalità ta’ ilma lill-konsumaturi tagħna, sew f’Malta u anke f’ Għawdex. Hawnhekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ Għawdex u anki l-Kunsilli Lokali, rat li filwaqt li jkun għaddej xogħol infrastrutturali, nibdlu mains tal-ilma, għal teknoloġija aktar moderna biex nipprovdu l-aqwa kwalità ta’ ilma lill-konsumaturi tagħna.”