Indis Malta qed tinvesti aktar minn żewġ miljun ewro fi proġetti soċjali fil-Mellieħa, f’Ħal Qormi, f’Ħal Safi, fis-Siġġiewi, f’Ħad-Dingli u fix-Xewkija f’Għawdex.
Wieħed minn dawn il-proġetti huwa spazju miftuħ fiż-żona ta’ Pjazza Federico Maempel f’Ħal Qormi li se tkun rinovata b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro.
Fuq medda art ta’ tlett elef u erba’ mitt metru kwadru, l-ispazju miftuħ se jinkludi librerija b’żona għall-qari, faċilitajiet sanitarji mtejba, bankijiet moderni, gabbana bl-imwejjed u s-siġġijiet, mogħdijiet imtejba li jipprovdu aċċessibilità sħiħa, żona għall-yoga u l-medjazzjoni mdawra bi ġnien aromatiku, tagħmir ġdid għall-bandli u spazju aċċessibbli biex jintuża għad-diskrezzjoni tal-Kunsill Lokali.
Se jinżergħu wkoll għadd ta’ siġar u pjanti indiġeni, sistema ta’ irrigazzjoni u anki kameras tas-sigurtà.
Dan il-proġett se jsir b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà, u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li l-ġnien jirrifletti x-xewqat tat-tfal stess.
Qalet, “L-iżvilupp li se jiġri f’dal-post ġej mill-aspirazzjonijiet tat-tfal fi proċess ta’ parteċipazzjoni li l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society kienet qed tagħmel mat-tfal Qriema, kemm it-tfal tan-naħa ta’ San Ġorġ kif ukoll in-naħa ta’ San Bastjan.”
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan il-proġett, li x-xogħlijiet fuqu jibdew fis-sajf li ġej, jassigura li l-ispazju miftuħ jitgawda minn kulħadd.
Qal, “Meta nedejna l-investiment ta’ infrastruttura industrijali ġewwa pajjiżna ta’ erba’ mija u sebgħin miljun ewro rajna li niddedikaw parti minnu sabiex nagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà fis-sens li jkollok lokalità bħal Ħal Qormi mdawwar minn żoni industrijali u li sofra matul iż-żminijiet bl-attività ekonomika u kkontribwixxa tant għall-ekonomija li nagħtu xi ħaġa lura f’dan il-każ lill-familji Qriema.”