Ir-riċerka tal-kanċer f’Malta ser tibbenefika minn €2.5 miljuni fuq medda ta’ ħames snin, grazzi għal fondi assenjati mill-Emanuele Cancer Research Foundation Malta.
Il-Fondazzjoni llum ħabbret sejħa għal proġetti ta’ riċerka dwar il-kanċer, li għalihom ser tkun qed talloka €500,000 kull sena sabiex jintużaw minn akkademiċi fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta, fil-ħidma tagħhom biex titnaqqas l-inċidenza tal-kanċer, u biex jittejjeb it-trattament tal-kanċer, u l-kwalita’ tal-ħajja tal-pazjenti.
Dan qiegħed isir wara investiment ta’ €2.5 miljuni oħra f’apparat ta’ riċerka state-of-the-art, mill-Fondazzjoni li hija kollaborazzjoni bejn il-Malta Trust Foundation, l-Università ta’ Malta, u l-Fondazione Terzo Pilastro – Internazionale.
Kelliem għall-Università ta’ Malta iddeskriva dawn il-fondi għar-riċerka bħala opportunita’ unika, u qali li għalkemm tul dawn it-tmien snin ir-riċerka għall-kanċer kienet gawdiet minn kważi €1m, l-akkademiċi issa ser jkollhom l-opportunità li jutilizzaw nofs miljun ewro kull sena.
Ic-Chairperson tal-Fondazzjoni Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li din l-okkażjoni hija punt importanti fl-istorja tal-Emanuele Cancer Research Foundation Malta u esprimiet it-tama tagħha li din is-sejħa twassal sabiex jiġu mħajra riċerkaturi żgħażagħ u xjentisti li huma ppassjonati fuq il-potenzjal tagħhom biex jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ kull min hu milqut mill-marda tal-kanċer.
“Il-viżjoni tal-Fondazzjoni kienet, u tibqa’, sabiex tnaqqas l-impatt u l-piż tal-marda tal-kanċer fuq il-poplu ta’ Malta, tar-reġjun tal-Mediterran u globalment, billi tappoġġa u tippromwovi riċerka eċċellenti dwar il-kanċer,” tenniet Coleiro Preca waqt il-konferenza stampa tal-lum.
“Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li llum qed inniedu din is-sejħa għall-applikazzjonijiet. Dan huwa l-mument li t-tlett entitajiet ko-fundaturi ilhom jistennew, sa minn meta bdejna t-taħditet biex tiġi stabbilita l-Emanuele Cancer Research Foundation.”
Bħalissa, hemm 60 student, akkademiċi u tobba mill-isptar Mater Dei, mmexxija minn 10 principal investigators, li qed jaħdmu fuq riċerka marbuta mal-kanċer fl-Universita’ ta’ Malta. Dawn ir-research grants ser jkunu disponibbli għal riċerkaturi li jaħdmu fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta, u ser jagħtu spinta lill-proġetti kurrenti, billi jgħinu sabiex il-ħidma titkompla b’pass aktar mgħaġġel; sabiex ssir ħidma fuq clinical trials; sabiex ikun jista’ jsir pjan aktar fit-tul, u jiġu kkrejati opportunitajiet ġodda għal riċerka ġdida.
Dawn il-fondi ser jkunu wkoll pass kbir ‘il quddiem għar-riċerkaturi u ser ipoġġu lil Malta fuq il-mappa tar-riċerka dwar il-kanċer, filwaqt li ser jattrattaw kollaboraturi mill-laboratorji prinċipali minn madwar id-dinja.
Dawn il-fondi ser jingħataw biex jappoġġjaw riċerka fundamental u traslazzjonali fosthom ġenetika, pharmacogenomic, proteomics, pharmaceutical, cellular, u riċerka pre-clinical in vivo fuq il-kawżiet, il-mekkaniżmi, id-dijanjożi, t-trattament u l-prevenzjoni tal-kanċer. L-applikazzjoni tista tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni (ecrfmalta.com) jew billi tintbagħat email fuq info@ecrfmalta.com
L-applikazzjonijiet ser jiġu riveduti minn Reviewing Board kompost minn riċerkaturi stabbiliti ġejjin mill-istituzzjonijiet ta’ riċerka rinomati li magħhom, il-Fondazzjoni ffirmat Memorandum of Understanding.
Il-Professur Emmanuele Emanuele – Baruni ta’ Culcasi u President ta’ Fondazione Terzo Pilastro Internazionale, u ko-fundatur tal-Emanuele Cancer Research Foundation qal li “it-tnedija tal-lum tfisser pass ieħor fil-ġlieda tal-Fondazzjoni kontra din il-marda qerrieda, li ma’ taffettwax biss lil Malta u lill-Mediterran, iżda lid-dinja kollha.”
Fil-fatt, il-Fondazzjoni qiegħda kontinwament tfittex li toħloq kollaborazzjonijiet fuq livell reġjonali u globali, u diġa ġibdet l-attenzjoni ta’ Istituti li jispeċjalizzaw fir-Riċerka dwar il-Kanċer, fl-Ewropa u fiċ-Ċina.
Il-Fondazzjoni, għandha laboratorju avvanzat u mogħni bl-aħħar tagħmir, li qiegħed ibbażat fl-Università ta’ Malta.
L-intervent tal-Fondazione Terzo Pilastro kien strumentali sabiex jiġi assigurat l-aktar tagħmir mediku avvanzat għal dan il-laboratorju.
Dan l-aħħar tagħmir jippermetti lir-riċerkaturi biex jinvestigaw bir-reqqa firxa wiesgħa ta’ oqsma, minn frammenti ta’ DNA multipli jew singoli, sejbien ta’ tumuri, bijomarkaturi tal-kanċer u ħafna iktar.