Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura makkinarju fid-Dipartiment tal-Ġinekoloġija, fl-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ mija u sittin elf ewro.
L-apparat speċjalizzat ser joffri l-faċilità lil t-tobba jagħmlu testijiet aktar dettaljati fuq il-pressa tal-bużżieqa tal-awrina.
B’hekk permezz tal-makkinarju it-tobba ser ikollhom rappreżentazzjoni viżwali tat-testijiet li jkunu qed jagħmlu minflok jserrħu fuq riżultati numeriċi biss.
Dan ser ifisser li t-tobba jkunu jistgħu jiddeċiedu aħjar jekk wieħed jistax jikkura l-kundizzjoni tiegħu b’mediċina biss minflok b’operazzjoni.
Il-Professur Yves Muscat Baron, li huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Ġinekoloġija spjega kif mara minn kull ħamsa tbati minn inkontinenza tal-awrina minħabba bużżieqa tal-awrina nervuża jew raġunijiet ta’ obeżità.
Huwa nnota kif issa permezz ta’ dan l-investiment l-isptar ser ikun qed ilaħħaq mad-domanda għal dan it-tip ta’ testijiet li qiegħed jingħaqad ma’ investiment ieħor bħal dak ta’ magni ġodda ta’ 4D Ultrasound.
Chris Fearne innota kif l-akbar riżors fid-Dipartiment tas-Saħħa huwa dak uman iżda dan irid ikun mogħti bl-aħjar għodda biex jipprovdi l-aqwa servizz.
Id-Deputat Prim Ministru tenna, “Huwa neċessarju illi l-ħin kollu, b’mod kontinwu naġġornaw u ndaħħlu apparat ġdid biex inkunu jistgħu dawn il-professjonijisti tagħna jaħdmu bih. Illum qed ninawguraw biċċa apparat oħra, apparat illi ħa tintuża fi-Dipartiment tal-Ġinekoloġija biex tgħin lit-tobba, lil Professuri jagħmlu d-djanjosi speċifika.”