Bħalissa għaddej investiment ta’ €136 miljun f’27 skola, fi proġett infrastrutturali ta’ rinnovament.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-Ministeru tiegħu.
“Bħalissa, waqt li qegħdin nitkellmu, hemm 27 proġett ieħor b’investiment ta’ €136 miljun, Sur President. U allura rrid ngħid illi xi ħaġa f’dan is-settur qegħdin nagħmlu. Tingħata l-impressjoni li ma sar xejn. Iva, ninsew ix-xogħol ta’ estensjoni li saru f’diversi skejjel, anki ġodda.”
Huwa fakkar ukoll li l-istudenti se jkollhom żieda oħra fl-istipendji.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li l-budget għas-sena d-dieħla jaħseb fiż-żgħażagħ.
“Il-budget tana żieda fejn tidħol l-allowance tat-tfal, ta’ €90 għal kull wild. Aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, laptop ġdid se jingħata lil kull student fis-seba’ sena, se jissaħħu l-programm eżistenti ta’ scholarships u tax credits għal dawk l-istudenti li jixtiequ javvanzaw fl-istudji tagħhom u fil-livell ta’ Master’s u Dottorat.”
Dwar is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, is-Segretarju Parlamentari qal li 2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross qiegħed f’dan is-settur importanti fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Tkellmet ukoll id-deputat Abigail Camilleri, li semmiet l-Iskema 9.
“Fejn qabel student kien jibbenefika biss minn waħda minn dawn l-għajnuniet – uniformi b’xejn, fotokopji b’xejn, lunch kuljum, sett ta’ stationery, u attivitajiet ekstrakurrikulari bla ħlas, issa jekk ikun hemm il-ħtieġa jista’ jibbenefika minnhom kollha.”
Id-deputat Katya De Giovanni semmiet il-miżura tal-Budget li tinċentiva aktar studenti jagħmlu attivitajiet ekstrakurrikulari.
“Se nsemmi issa l-kreditu ta’ taxxa li qed jingħata wkoll għall-attivitajiet li forsi, għas-saħħa tal-kelma, qed insejħulhom ekstrakurrikulari.”
Id-deputat Ray Abela semma l-importanza li ż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw u semma inizjattivi li għamel il-Gvern.
“Ma nistax ma nfaħħarx inizjattivi bħal, pereżempju, l-Alternative Learning Programme (ALP). Kien għalhekk li l-Gvern Laburista ħass il-ħtieġa wkoll li jinċentiva u jħallas l-eżamijiet kollha tal-MATSEC lill-istudenti kollha b’xejn.”