Misraħ Mikiel Anton Vassalli biswit l-iskola primarja taż-Żejtun inbidel fi spazju miftuħ fejn it-tfal ikunu jistgħu jimirħu u jgawdu minn ambjent iddisinjat għalihom.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €120,000 mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun b’kollaborazzjoni minn SportMalta li ħarġet is-somma ta’ €25,000.
Is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela qalet li permezz ta’ din l-inizjattiva, dan l-ispazju li kien fi stat mitluq issa sar ġnien li huwa aċċessibli għal kulħadd.
Qalet, “Tant li nieħu gost nisma’ ġenituri ġejjin l-iskola bit-tfal jgħidu ara issa għandna fejn noqgħodu nilgħabu ftit wara l-iskola. Dik hija xi ħaġa illi tistimulana biex inkomplu naħdmu u nħarsu ‘l quddiem għall-investimenti bħal dan.”
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-ġnien, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima saħaq kif il-Gvern qed ikompli jaħdem għal aktar spazji ta’ dan it-tip biex jitgawdew minn kulħadd.
Qal, “F’dan il-każ qegħdin naraw kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, fejn hawnhekk spazju li kien mitluq tajnih il-ħajja permezz ta’ investiment illi qegħdin naraw li ħa jkun jista’ jitgawda mit-tfal, u allura l-fatt li jista’ jitgawda mill-istess tfal ħa jkun qed jara familji minn din il-lokalità li jiltaqgħu hawnhekk fi spazju sabiħ, san u anke sigur.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil saħaq li f’dan il-ġnien hemm it-tagħmir tal-logħob ġdid, kif ukoll bandla għal persuni b’diżabilità mogħtija mir-Reġjun Xlokk.
Intant waqt l-attività l-Erbgħa filgħodu, tfal mill-iskola primarja taż-Żejtun qraw poeżija dwar is-siġar kif ukoll ħawlu siġra għall-okkażjoni.