Il-Gvern ħabbar investiment ta’ €12-il miljun f’bini ta’ faċilitajiet ġodda għall-Protezzjoni Ċivili li se jkunu qed jitlestew fi żmien erbà snin, jiġifieri sal-2021, bl-għan li ċ-ċittadini jkun protett bl-aħjar mod.
Dan l-investiment se jkun qed iwassal għal tliet stazzjonijiet tat-tifi tan-nar ġodda u kwartieri ġodda għall-Protezzjoni Ċivili.
- Ċentru ta’ tifi tan-nar ġdid f’Santa Venera
- Stazzjon tat-tifi tan-nar ġdid f’Delimara
- Stazzjon tat-tifi tan-nar fil-Floriana
- Kwartieri ġodda għal Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Carmelo Abela waqt l-inawgurazzjoni ta’ sitt fire engines ġodda li ser jibdew jintużaw fil-ġimgħat li ġejjin.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal li kien ilhu jinħass il-bżonn ta’ dan l-investiment b’ mod partikolari l-bini ta’ stazzjonijiet oħra, sabiex iktar ħaddiema u vetturi jkunu mifruxa mal-pajjiż biex jonqos il-ħin sabiex jaslu fuq il-post.
Fil-fatt, iċ-ċentru ta’ tifi tan-nar ġdid f’Santa Venera se jkun l-ikbar wieħed fiċ-ċentru ta’ Malta għal iżjed servizz rapidu lir-residenti tal-inħawi. Il-Ministru Carmelo Abela spjega li l-art li ntagħżlet għal dan iċ-ċentru ta’ tifi tan-nar tinsab f’post strateġiku u minnha jistgħu f’qasir żmien jintlaħqu diversi postijiet bħal Ħamrun, Birkirkara, Ħal Qormi, Tas-Sliema u San Ġiljan li kollha għandhom popolazzjoni mdaqqsa.
L-istazzjoni ta’ Delimara se jkun qed jinbena bil-ħsieb li jopera mill-ewwel f’każ ta’ emerġenza fl-impjant tal-power station. Diġá hemm stazzjon temporanju u għalhekk dan l-istazzjon jinbidel f’wieħed permanenti biex il-ħaddiema jkunu aktar komdi u f’ambjent sigur.
Min-naħa l-oħra fil-Floriana, l-istazzjon preżenti jinsab fil-garaxx tla-Pulizija u qed joħloq inkonvenjent kemm lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u kemm għall-istess Pulizija. Għalhekk, ġiet allokata art imdaqqsa fil-Floriana biex ikun jista’ jinbena stazzjon għat-tifi tan-nar.
Se jkunu qed isiru ukoll Kwartieri ġodda għall-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far. L-art identifikata se tkun qed iservi ta’ training grounds u kwartieri ġodda. Il-Ministru spjega li dawn it-training grounds huma meħtieġa ħafna biex il-ħaddiema jkollhom fejn jitħarrġu.