Il-Prim Ministru, Robert Abela, inawgura l-faċilità ġdida li fetaħ Burmarrad Group fil-Marsa biex espanda l-operat tiegħu, b’investiment ta’ €12-il miljun. Fl-aħħar sentejn, il-Grupp irdoppja n-numru tal-impjegati tiegħu biex illum iħaddem mitt ruħ.
Fil-faċilità tal-Marsa ġew riġenerati mal-14,000 metru kwadru ta’ spazju industrijali li ma kinux qed jintużaw u li issa saru l-ikbar ċentru marbut mal-vetturi f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li issa m’għadux biss il-mument li nibqgħu nitkellmu fuq irkupru għax dak l-irkupru qed iservi biex nilħqu livelli ogħla u ġodda. Dan sostnieh fid-dawl tal-fatt li, f’ħafna oqsma, pajjiżna qed jikseb riżultati saħansitra aħjar minn dawk ta’ qabel il-pandemija.
Il-Prim Ministru fisser is-suċċess tan-negozji tal-familja u kumpaniji oħra bħala l-ikbar konferma li Malta miexja ’l quddiem u fid-direzzjoni t-tajba. Din id-direzzjoni se twassal biex in-negozji jibqgħu jikbru u joħolqu l-ġid biex imbagħad dak l-istess ġid jinfirex.
Dr Abela rrefera għal żewġ rapporti, wieħed tal-Kummissjoni Ewropea u ieħor tal-aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch, li t-tnejn lihuma rrimarkaw li Malta se tkun fost l-aqwa pajjiżi fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku.
Huwa kkummenta li l-fatt li negozji qed jespandu huwa turija ta’ fiduċja f’pajjiżna u rriafferma li l-Gvern se jibqa’ jinċentiva u jagħti s-sostenn bħalma qed jagħmel biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli filwaqt li jtejjeb il-qagħda tal-finanzi pubbliċi.
Il-Prim Ministru qal li ma’ dawn l-inċentivi l-Gvern se jkompli jinvesti fis-sistema edukattiva biex it-tfal jiksbu l-ħiliet neċessarji għax-xogħol li qed jinħoloq. Qed isir ukoll investiment fl-infrastruttura, u li s-sena d-dieħla se jsir investiment kapitali rekord ta’ €920 miljun.
Iċ-Chairman ta’ Burmarrad Group, Mario Gauci Sr, qal li f’dan l-investiment massiv l-impriża mhux biss żiedet l-għadd ta’ impjegati sostanzjalment iżda investiet bil-kbir f’tagħmir, għodod u teknoloġiji ġodda biex ngħatat prijorità lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u lill-ħarsien tal-ambjent.
Kien f’dan l-istess spirtu li l-binja, li qabel kienet l-istamperija tal-Union Print, inżammet kollha kemm hi iżda ġiet irranġata b’mod li saret waħda sostenibbli u impenjata biex ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-binja kapaċi tiġġenera parti sostanzjali mill-ħtiġijiet enerġetiċi tagħha permezz tal-pannelli tax-xemx u bl-użu ta’ teknoloġija moderna biex jiġi rriċiklat l-ilma.