Il-kumpanija Magro Brothers fix-Xewkija ħabbret investiment ta’ €12.5 miljun sabiex tkun tista’ tkabbar il-produzzjoni tagħha.
Dan waqt żjara mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriza u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.
Dan l-investiment, mifrux fuq erba’ snin sal-2028, se jkun maqsum fi tliet fażijiet biex titkabbar il-produzzjoni ta’ Magro Brothers ta’ table sauces, li bħalissa huma esportati għal madwar 22 pajjiż Ewropew.
Fi stqarrija ġie spjegat li f’dawn l-aħħar snin, il-kumpanija esperjenzat tkabbir sostanzjali fl-esportazzjonijiet tagħha u laħqet il-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni sal-2024.
B’hekk l-investiment il-ġdid se joħloq ukoll il-ħtieġa ta’ 15-il technician speċjalizzat fost oħrajn.
Barra minn hekk, il-konsum tal-enerġija se jonqos, u permezz ta’ dan il-proċess il-konsumatur se jkun jista’ wkoll qed jirriċikla l-fliexken hekk kif se jkunu 100% riċiklabbli.
“Kellna ukoll biex inkunu iktar nimmoderniżaw l-infrastruttura attwali li għandna fil-fabbrika tagħna u nkomplu inkunu iktar green u iktar aħjar fejn għandu x’jaqsam recyclability tal-packaging tal-plastik tal-fliexken ta’ table sauces kif ukoll inaqqsu mil-konsum tal-enerġija li għadna bżonn bħalissa”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri sostna kif dan l-investiment jħaddan il-prinċipju li bihom il-Gvern jipprattika l-politika tiegħu favur it-tkabbir ekonomiku.
“Hawnhekk qedin ġewwa din il-kumpanija Magro Brothers li qeda tinvesti iktar min 12.5 miljun, f’apparat u anke fi spazju ġdid ġewwa l-istess fabbrika.”Dan l-investiment jolqot diversi punti li aħna nimbuttaw bħala gvern mil-aspett ta’ politika ekonomika. Primarjament li rridu naraw il-kumpaniji tagħna jkomplu jikbru fl-esportazzjoni għax dik hija t-tip ta’ attività li tkompli tkabbar l-pajjiż anke min naħa ta’ valur miżjud però ukoll qed tagħmel dan b’rispett sħiħ lejn l-ambjent”
Intant, il-Ministru Clint Camilleri tenna s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern qed ikompli jinċentiva kumpaniji lokali partikorlament dawk Għawdxin.
“Dan huwa ta’ sodisfazzjon għal dan il-gvern li jkompli jinċentiva dan is-settur hekk hu importanti li jkompli jinċentiva ukoll kumpaniji lokali f’dan il-każ, anke Għawdxin sabiex ikomplu jiksbu suċċess però aktar min hekk ukoll ikomplu ikabbru l-ekonomija ġewwa din il-gżira”.