L-Awtorità tal-Artijiet investiet €112,500 f’xogħlijiet ta’ ristrutturar, manutenzjoni u tisbiħ fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Ħaż-Żabbar, b’kobor ta’ elf metru kwadru.
Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett kienu jinkludu ħidma fuq iċ-ċint tal-bejt u tiswijiet ta’ partijiet mis-saqaf, restawr tal-faċċata u trattament tal-ġebla naturali fuq barra fost l-oħrajn.
Din il-binja tilqa’ fiha diversi uffiċini li joffru servizz lill-pubbliku: is-sanità, l-agrikoltura, is-sigurtà soċjali, il-berġa, l-għassa tal-pulizija, il-posta, il-librerija kif ukoll l-uffiċini tal-Kunsill, kif spjegalna s-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech.
Is-Sur Grech spjega: “Qed naraw li qed isiru xogħlijiet mad-dawra tal-binja. Din ilha mibnija aktar minn ħamsin sena u sarulha interventi minimi ta’ manutenzjoni. Is-servizzi kollha għadhom jiffunsjonaw u qed naraw li ma nwaqqfux ebda servizz.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo qal li s-sena li għaddiet l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet madwar 30 approvazzjoni lill-kunsilli lokali biex jissottomettu applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan bil-għan li jkunu jistgħu jwettqu proġetti varji fil-komunità.
Fl-istess ħin fl-2019, l-Awtorità għaddiet tmien proprjetajiet b’devoluzzjoni mill-gvern għall-kunsilli lokali, biex dan jagħmel użu minnha b’mod li tibbenefika l-komunità. Din is-sena hemm numru ta’ talbiet għad-devoluzzjoni li qed jiġu proċessati.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li huwa importanti li nieħdu ħsieb il-proprjetà tal-gvern billi tinżamm fi stat tajjeb u bla periklu, bħalma sar f’din il-binja.
Huwa sostna: “Aħna jkollna numru ta’ talbiet minn Kunsilli Lokali anke għal devoluzzjoni, u tul is-sena l-Awtorità għaddiet aktar minn 40 propjetà u ħadet ħsieb il-manutenzjoni tagħhom f’lokalitajiet differenti.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-gvern se jibqa’ jwettaq proġetti bħal dawn permezz tal-entitajiet tagħna kif ukoll permezz tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, biex ikun żgurat li kull proġett iħalli effett pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet.
Ċentri Ċiviċi oħra madwar il-pajjiż ukoll se jaraw xogħlijiet simili fiż-żmien li ġej, fosthom dak fir-Rabat.