Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jiffinanzja r-restawr taż-żewġ kampnari u partijiet mill-faċċata tal-Knisja taż-Żebbuġ.
Dan b’investiment ta’ €106,000.
Ħabbar dan il-Ministeru għal Għawdex stess waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif spjega li kif ġara ma’ parroċċi oħra, il-Gvern qed iservi ta’ spalla għall-Knisja sabiex anke jara li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jiġi ppreservat.
Fil-fatt ġie spjegat kif ir-restawr taż-żewġ kampnari se jkun qed jinvolvi t-twaqqigħ u r-rikostruzzjoni tal-kampnari eżistenti, il-bdil ta’ partijiet mill-entablatura, il-gwarniċ u restawr ta’ ħsara oħra mal-faċċata mġarrba matul is-snin.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Clint Camilleri spjega li madwar tliet snin ilu l-parroċċa taż-Żebbuġ kienet ikkummissjonat rapport tekniku dwar l-istruttura tal-kampnari u kien ħareġ biċ-ċar li hemm dgħufija strutturali. Għalhekk kien hemm bżonn ta’ intervent urġenti biex dawn l-istess kampnari jiġu restawrati.
Tenna li f’Lulju tas-sena 2019, il-parroċċa rċeviet il-permessi meħtieġa biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr u għalhekk issa l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħin finanzjarjament lil din il-parroċċa.
Qal, “Ħassejna l-bżonn li flimkien mal-istess parroċċa fl-aħħar mill-aħħar il-knejjes ta’ Għawdex, il-Knejjes bħalma huma fil-bqija ta’ Malta huma wirt storiku u wirt kulturali ta’ pajjiżna. Ridna li dawn ikunu miżmuma tajjeb għaliex apparti li dawn iċ-ċentri jaqdu l-fuzjoni reliġjuża nemmen ukoll li dawn il-knejjes huma wirt storiku li importanti li bħala pajjiż nikkonservawh.”
Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet tal-parroċċa Dun Ġwann Sultana rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern, hekk kif bl-intervent tagħhom qed iwasslu biex iseħħ dan il-proġett tant mistenni.
Spjega, “Dan il-proġett, din il-ħolma tagħna ħa tkompli sseħħ pass wara l-ieħor sakemm intemmu din l-urġenza ħalli dak il-ġmiel li għaddewlna missirijietna aħna ngħadduh lil ta’ warajna. Nirringrazzja lil dawk kollha li huma parti minn dan il-proġett.”