Dalgħodu fil-Baħrija tħabbar li qed isir investiment ta’ miljun ewro fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona u l-madwar.
Madwar 700 familja li jgħixu f’dan ir-raħal, li jagħmel parti mir-Rabat, kienu qed jesperjenzaw qtugħ fis-sistema tal-elettriku regolari u saħansitra wkoll kien qed ikollhom vultaġġ baxx.
Iċ-Chairman tal-EneMalta, l-Inġinier Jonathan Scerri saħaq li dan il-proġett li huwa parti minn pjan ta’ ħames snin, huwa wieħed mhux żgħir u se jkun qed joffri lir-residenti fil-Baħrija, sistema aktar robusta u b’saħħitha. Huwa qal li x-xogħol kollu mistenni jkun lest sa tmiem is-Sajf li ġej, fejn fih se jkun qed jiġi installat u jitħaddem cable ta’ żewġ kilometri taħt l-art.
Huwa saħaq fuq il-pjan ta’ ħames snin li l-EneMalta għandha sabiex tkompli tiġi msaħħa l-infrastruttura tas-sistema tad-distribuzzjoni madwar il-pajjiż kollu ħalli l-konsumatur ikollu servizz eċċellenti u aħjar.
Scerri tenna, ‘L-investiment ta’ warajna huwa wieħed minn diversi investiment li qed tagħmel l-EneMalta f’diversi lokalitajiet u f’diversi livelli ta’ distribution network tagħha jiġifieri dawk li huma ċentri ta’ distribuzzjoni, qegħdin jitkabbru iċ-ċentri tad-distribuzzjoni, qed tiddaħħal teknoloġija iktar moderna u se jinbena wkoll ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid fiċ-ċentru tal-pajjiż. Imbghad se jkun hemm numru ta’ investimenti oħra ta’ cables li jqassmu l-elettriku għas-substations diversi fi-lokalitajiet u se ninvesttu wkoll il barra mis-substations f’dawk li huma low voltage feeders biex l-elettriku jkun jista jitqassam direttament fid-djar tan-nies bi kwalita aħjar u b’serizz iktar reliable.”
Min-naħa tagħha il-Ministru Miriam Dalli saħqet li dan il-pjan ambizzjuz ta’ ħames snin se jsaħħah l-infrastruttura tal-pajjiz, ħalli jiġi identifikat fejn hemm bżonn li s-sistema tal-elettriku tiġi msaħħa. Dan isir permezz tal-ilmenti li jidħlu mill-konsumaturi u anki permezz ta’ konsultazzjoni li ssir man-nies.
Hija żiedet tgħid li l-proġett fil-Baħrija huwa wieħed minn sensiela ta’ xogħlijiet li qed isiru. Semmiet ukoll il-ħidma li għaddejja fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni f’Ħal Tarxien li se tkun lesta dalwaqt u anki ix-xogħlijiet li għaddejin fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni f’Wied il-Għajn, in-Naxxar u anki f’Għawdex.
Hija kompliet tgħid li l-EneMalta għandha l-pjan li fil-ġejjieni tinvesti wkoll fi flotta ta’ vannijiet li jaħdmu bl-elettriku, u l-ħsieb huwa li 25% tal-vannijiet li topera bihom, ikunu aktar favur l-ambjent.
Il-Ministru Dalli, “Rajna li d-domanda qegħda dejjem tiżdied u qegħdin nipprevedu li se tkompli tiżdied għaliex l-ekonomija se tkompli tikber, u se tkompli tiżdied ukoll, għax in-numru ta’ servizzi li qegħdin niġu mitluba qed ikompli jikber u anki għax dal-pajjiz qed jara li jnaqqas l-emmissjonijiet u jmur lejn l-elektrifikazzjoni fit-trasport u anki fejn jidħol il-baħar marittimu u allura rridu naċċertaw ruħna li jkollna distribuzzjoni aktar b’saħħitha.”