Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar l-inħawi tal-Knisja Kolleġġjata u Proto-Parrokjali ta’ San Pawl fir-Rabat fejn se jsir investiment ta’ €100,000 fl-infrastruttura ta’ din il-parti tal-lokalità. Għal din l-attività kien hemm preżenti l-Kunsill Lokali, it-tmexxija ta’ Infrastructure Malta u l-arċipriet.
“L-impenn infrastrutturali tagħna japplika għal infrastruttura fuq kull livell. Hawnhekk qed ninvestu f’infrastruttura ta’ kwalità aħjar, aktar sigura u li tmur iżjed mal-ambjent storiku tal-inħawi. Hawnhekk, għal darb’ oħra qegħdin ninvestu fil-kwalità tal-ħajja tal-komunità filwaqt li ntejbu l-faċilitajiet infrastrutturali għar-residenti li jgħaddu minn Triq il-Kbira għall-Knisja. Fl-istess waqt dan il-proġett ikompli jinvesti fil-prodott turistiku tagħna, hekk kif din il-parti tar-Rabat hija popolari ferm ma’ dawk li jiġu jżuru pajjiżna”, qal il-Ministru Ian Borg.
Il-proġett jinkludi tisħiħ tal-art b’sodda tal-konkos, titjib ta’ numru ta’ kanali tal-ilma tax-xita mal-ġenb tat-triq, u kisi ta’ din iż-żona pedonali b’pavimentar ġdid magħmul minn ċangaturi tal-ġebel tal-qawwi li huwa simili ta’ dak li hemm f’żoni oħra taz-zuntier. Ix-xogħol se jkun qed jiġi implimentat minn Infrastruttura Malta u mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin.
Ritratti: MTIP