Dalgħodu tħabbar proġett ta’ tisbiħ u riabilitazzjoni fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta. Proġett li se jsir kif kien imħabbar fil-Baġit, b’investiment ta’ ftit aktar minn €100,000 fejn l-għan hu li jinżamm fl-istat naturali tiegħu.
Waqt dawra mal-ġnien spikkat it-telqa u l-istat ta’ abbandun li jinsab fih dan il-ġnien. Ħitani li ġew imwaqqa’ se jitranġaw u minflok is-siġar imneħħija li kienu mejta se jinżraw siġar taż-żebbuġ.
Ix-xogħlijiet jinkludu xogħol ta’ pavimentar, gazeboo fil-pjazza ċentrali, bankijiet ġodda, bins u kif ukoll se jiġi mgħammar b’sistema tad-dawl.
Tħabbar ukoll li se jkun qed isir xogħol ta’ restawr tal-victoria lines u kif ukoll tal-gibjun.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li jinsab sodisfatt li fil-Baġit ġew allokati fondi biex jiġu rrangati ġonna Maltin. Filfatt fost l-oħrajn se jitranġa wkoll ġnien Dom Mintoff f’Ħal Tarxien.