Għal ħames sena konsekuttiva l-Gvern flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura nieda skema tar-restawr biex jgħin lill-flotta tas-sajd tradizzjonali Maltija.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Inwettqu Flimkien” fejn ġie spjegat kif din hija skema fejn is-sajjieda ser jibbenefikaw sa massimu ta’ €2,700 fi flus lura, wara li jkunu għamlu l-manutenzjoni meħtieġa u ħadmu b’mod professjonali fuq dawn il-bastimenti tradizzjonali tas-sajd.
Dan l-investiment qed jikkontribwixxi biex ikompli jixpruna t-turiżmu fiż-żoni tal-port hekk kif dawn id-dgħajjes għandhom valur kulturali li jġibu interess qawwi mit-turisti li jżuru pajjiżna.
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said saħqet kif l-istorja tas-sajd ġewwa pajjiżna inbniet fuq l-użu ta’ dawn il-bastimenti tradizzjonali.
Bugeja Said saħqet li dawn il-bastimenti tradizzjonali mhumiex biss għodda essenzjali għall-mijiet ta’ sajjieda f’pajjiżna: “Dawn huma wkoll parti integrali mit-tessut storiku, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna; element li, mingħajr din l-għajnuna li tingħatha lis-sajjieda għal-manutenzjoni tant meħtieġa, kapaċi tintilef.”
“Nemmnu wkoll li dawn id-dgħajjes m’għandhomx biss jiġu ppriservati u jinżammu fuq l-art. Bħal kull dgħajsa oħra, mhemmx post isbaħ għall-luzzu u għall-kajjikk milli fil-baħar, użati ta’ kuljum mis-sajjieda ħabrieka tagħna.” tenniet tgħid is-Segretrju Parlamentari Bugeja Said.
Madwar 215-il applikazzjoni ntbgħatu bil-posta lis-sajjieda rreġistrati bħala MFA jew MFB u li għandhom dgħajsa tal-injam li taqa taħt il-kategorija ta’ luzzu, firilla, frejgatina u kajjik. L-għajnuna li ħa tingħata hija relatata mal-materjal li jinxtara biex jirrestawraw dawn it-tip ta’ dgħajjes bħall: żebgħa, epoxy, kolla, injam, viti, boltijiet u spejjeż oħra relatati max-xogħol tal-idejn.
Dawn il-Formoli tal-Applikazzjoni għandhom jintbagħtu bil-posta u jiġu ndirizzati lil Projects Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura bejn l-24 ta’ April u it-8 ta’ Mejju 2023. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbatu bil-posta f’diversi uffiċċini tal-ħatt madwar Malta u Għawdex sad-data indikata.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema tista’ tagħmel kuntatt dirett mad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura billi ċċempel fuq 23397113/23397118.