B’investiment ta’ mitt elf ewro (€100,000), disa’ soċjetajiet mużikali madwar pajjiżna se jibbenefikaw minn fondi maħruġin mill-Ministeru responsabbli mill-Volontarjat taħt Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi.
L-għan prinċipali tal-iskema huwa li tissaħħaħ l-inklużjoni u jitwettqu proġetti li fost affarijiet oħrajn itejbu l-aċċessibilita, kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilta.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-ittri ta’ impenn lid-disa’ soċjetajiet mużikali, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din l-iskema qed tgħin biex is-soċjetajiet mużikali fl-ibliet u rħula f’pajjiżna jinvestu biex persuni b’diżabilita jkollhom aċċess għall-kultura u l-arti.
Id-disa’ soċjetajiet mużikali li bbenefikaw mill-iskema huma; St. Philip Band Club AD 1851 Ħaż-Żebbuġ, Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri Ħal Qormi, Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħal Kirkop A.D. 1886, Għaqda Mużikali San Ġużepp Għaxaq, Soċjetà Mużikali Sant’Antnin Birkirkara, 12th May Band and Social Club Ħaż-Żebbuġ, Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa, Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun u Soċjetà Filarmonika Lourdes Qrendi.