Sit f’Santa Luċija, li qabel kien mitluq u mhux aċċessibbli għall-pubbliku, ingħata l-ħajja minn Project Green u se jibda jitgawda minn madwar 5,000 resident qribu jew dawk li jagħżlu jżuru l-lokalità.
Dan il-post, li jkopri medda ta’ madwar 2,300 metru kwadru, ġie mibdul fi spazju miftuħ mill-isbaħ, li ngħata l-isem ‘Ġnien l-Iskultura’.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, qalet kif dan il-proġett hu xhieda tal-ħidma li qed tissarraf fi spazji ħodor ta’ kwalità fil-komunitajiet tagħna.
“Irridu li nibqgħu għaddejjin b’dan il-pass fejn aħna jkollna diversi tipi ta’ ġonna, ġonna li huma formali bħal dan, ġonna li huma forsi inqas formali, ħalli n-nies ikollhom fejn imorru flimkien mal-familja tagħhom ftit ’il bogħod mid-dar tagħhom.”
Il-Ministru Miriam Dalli
B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, saru bosta interventi hekk kif ġew installati strutturi msejsa fuq prinċipji Orjentali biex din iż-żona ġdida tikkumplimenta ‘Ġnien is-Serenità’, jew il-Ġnien taċ-Ċiniżi”, kif inhu wkoll magħruf u li jinsab biswit.
Fost l-elementi distinti f’dan il-ġnien il-ġdid wieħed isib pont tal-ħadid li jaqsam vaska bil-Koi, l-ispeċi ta’ ħut assoċjata mal-Medju Orjent. Għall-pont u l-bqija tal-ġnien intuża l-kulur aħmar, li hu meqjus li jelimina n-negattività u jattira l-ferħ u l-prosperità.
Bħala parti mill-proġett, fl-ispazju ġdid tħawlu 38 siġra.

ONE News tkellem mal-Kap tal-Operazzjonijiet ta’ Project Green, Beverly Costa, li spjegat ir-rwol tal-entità f’dan kollu.
“Project Green kienet involuta fid-disinn kif ukoll fl-ingaġġ tal-kuntrattur li implimenta dan il-proġett fejn qed naraw spazju li kien mitluq, issa ġie riġenerat għat-tgawdija tal-familja kollha. Dan il-ġnien jgħaqqad mal-‘Ġnien taċ-Ċiniżi’, allura nistgħu ninnotaw ukoll l-istess lingwaġġ li tkompla minn dak Ċiniż. Dan hu ġnien fejn jinkorpora ħafna features kif ukoll ħafna aspetti ambjentali”.
Il-Kap tal-Operazzjonijiet ta’ Project Green, Beverly Costa
Is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St John, tenniet li r-residenti kienu qed jistennew bil-ħerqa t-tlestija tal-proġett.
“Ir-residenti ilhom jistaqsuni meta ħa jiftaħ dan il-ġnien, li huma ħerqana ħafna biex ikollhom iżjed spazji fejn jistgħu jgawdu ġnien bellezza. Dan grazzi għall-ħidma ta’ Project Green. U jiena minn hawn nixtieq mhux biss ir-residenti jiġu jgawduh dan il-ġnien, ġnien li ġie jiswa ħafna flus biss jiġi riġenerat, imma jitgawda wkoll mill-Maltin u l-Għawdxin.”
Is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St John

