Fiż-żmien li ġej, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se tkun qed tinvesti madwar €1.8 miljun f’sistema ġdida tal-informatika bil-għan li tkompli ssaħħaħ l-infurzar tagħha u tkun tista’ taċċedi sistemi ta’ entitajiet oħra.
Dan tħabbar fil-Gazzetta Kulħadd fejn ġie rrappurtat li fil-jiem li għaddew waqt li l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi kien qed jixhed quddiem il-bord tal-inkjesta pubblika fil-każ tat-traġedja fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, spjega l-miżuri li ttieħdu biex tissaħħaħ din l-awtorità. Awtorità li ġiet imwellda sentejn u nofs biss ilu, mill-konklużjonijiet tar-Rapport Quintano li kien ħareġ wara t-traġedja fil-Ħamrun ta’ Miriam Pace.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li din l-awtorità għadha fit-tfulija tagħha, imma diġà bdiet tissaħħaħ sew, fost l-oħrajn, bl-ingaġġ ta’ aktar spetturi fl-aħħar xhur, filwaqt li għaddej il-proċess biex jiġu ngaġġati erbgħa oħra.
Intqal li t-tisħiħ fir-riżorsi tal-awtorità qed jirriżulta f’għadd rekord ta’ spezzjonijiet li qegħdin jiżdiedu minn sena għal oħra.
Bl-investiment ta’ €1.8 miljun, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollha wkoll il-pjattaforma, magħrufa bħala eApps. Din il-pjattaforma tinkorpora l-informazzjoni kollha tal-BCA biex tghinha fl-infurzar.
Il-gazzetta Kulħadd spjegat ukoll li l-Ministru Zrinzo Azzopardi xehed ukoll li fuq rakkomandazzjoni oħra tar-Rapport Quintano fejn ġie deċiż li l-ammont ta’ flus li l-BCA jirnexxielha tiġġenera mill-multi jew ħlasijiet oħrajn, dawn jibqgħu għandha u mhux jiġu trasferiti lill-Ministeru għall-Finanzi kif kien isir sal-lum.
Dan se jsir bil-għan li l-awtorità tkompli ssaħħaħ il-bażi finanzjarja tagħha u b’hekk ikollha finanzjament addizzjonali għal dak li jgħaddilha l-Gvern.
Fix-xhieda tiegħu, il-Ministru aċċenna wkoll għat-tisħiħ li jinsab għaddej fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), li taqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tiegħu u diġà investiet fit-teknoloġija b’sistema ġdida tal-IT li bdiet tiġi implimentata.
Is-sistema qed tgħin lill-OHSA tipproċessa b’mod aktar effiċjenti l-informazzjoni kollha li tkun qed tirċievi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Zrinzo Azzopardi rrimarka li din il-ġimgħa stess ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn il-UĦM u l-OHSA, li se jtejjeb bil-bosta il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati ta’ din l-awtorità.
Sadanittant il-KullĦadd ħabbret ukoll li fl-aħħar ġimgħat sar ukoll it-trasferiment tal-uffiċini kollha tal-BCA, minn dawk li kellha fil-Furjana għal binja li ġiet rinnovata fi Spencer Hill, il-Blata l-Bajda, fejn fl-imgħoddi kien hemm l-kwartieri prinċipali tal-kumpanija GO.
Il-binja issa għandha uffiċini mill-aktar moderni li joffru ambjent ta’ xogħol mill-aqwa għall-impjegati kollha ta din l-awtorità.