Il-kumpanija Ġermaniża Metallform se tinvesti €1.3 miljun u se toħloq 70 impjieg ġdid f’Malta.
Kuntenti bis-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna u bil-ħaddiema Maltin, il-kumpanija kompliet tinvesti. Filwaqt li f’Jannar infetħet estensjoni tal-fabbrika oriġinali li hemm f’Ħal Far, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-bini ta’ fabbrika ġdida.
Metallform f’Malta tagħmel drippijiet speċifiċi għal trabi li jitwieldu qabel iż-żmien. Issa daħlu wkoll fis-suq tal-onkoloġija u qed jagħmlu drippijiet għal dawn il-pazjenti wkoll.
Waqt żjara mill-Ministri Chris Cardona u Evarist Bartolo, id-direttur maniġerjali ta’ Metallform Ian Restall spjega kif il-kumpanija infetħet f’Malta fl-1992 b’15-il impjegat. Dan in-numru issa jlaħħaq il-256.
Restall żied jgħid kif ix-xogħol li jsir f’Metallform jinvolvi preċiżjoni stretta hekk kif jintuża għall-pedjatrija. Xi ħaġa li l-Maltin kapaċi jagħmlu u b’hekk il-kumpanija Ġermaniża għandha fiduċja assoluta fil-Maltin.
https://www.youtube.com/watch?v=TwrTmPcAwmM