Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili laqa’ fil-flotta tiegħu ħames vetturi ġodda, inkluża waħda li se toffri faċilità lill-membri tal-Protezzjoni Ċivil biex jikkordinaw inċidenti kbar.
Din il-vettura nxtrat b’investiment ta’ madwar miljun u tliet mitt elf ewro u se tkun qed isservi bħala taqsima awtonoma biex tikkontrolla inċidenti kbar.
B’hekk, f’każijiet li jkunu jirrikjedu ħafna riżorsi minn naħa tal-Protezzjoni Ċivili u l-korpi dixxiplinati l-oħra, ir-riżorsi se jkunu jistgħu jintużaw b’mod aktar effettiv u effiċjenti għax il-vettura tagħti lok li jittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi minn fuq is-sit tal-inċident innifsu.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, spega l-ħtieġa li, f’każijiet kbar, ikun hemm komunikazzjoni effettiva bejn korpi differenti.
“Ħafna drabi l-inċident jissolva bl-għajnuna tal-entitajiet kollha u allura l-fatt illi inti tista’ toffri wieħed mill-uffiċjali, biex nifthiemu bħal tal-Pulizija, tal-ambulanzi, tal-Forzi Armati, b’post ħdejk nistgħu nwasslu l-informazzjoni u dan jista’ jservi ta’ ċentru ta’ informazzjoni. L-informazzjoni li tkun daħlitilna nkunu nistgħu naqsmuha mal-entitajiet l-oħra, kif ukoll jekk għandna bżonn intervent tal-Pulizija għandek l-uffiċjal tal-Pulizija li qiegħed miegħek u allura tista’ tgħaddilu l-informazzjoni u tgħidlu x’għandek bżonn. L-istess għall-Armata u l-ambulanzi.”
Barra din il-vettura speċjalizzata, ngħaqdu wkoll żewġ mini buses u żewġ vannijiet żgħar li se jkunu qegħdin jassistu f’każijiet differenti.
Fil-fatt, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili issa se jkun mgħammar b’mini buses li se jintużaw f’każijiet li jkun hemm bżonn aktar pumpiera fuq il-post mingħajr ma joħorġu b’vettura tat-tifi tan-nar li normalment tkun akbar u b’hekk tista’ toffri sfida biex tasal fl-inqas ħin possibbli fuq il-post tal-inċident.
Mal-flotta ngħaqdu tad-Dipartiment ngħaqdu wkoll vannijiet żgħar li se jkunu qegħdin jassistu f’każijiet ta’ nirien żgħar f’għelieqi.
Fl-aħħar snin żdiedu n-nirien ta’ dan it-tip li jiżviluppaw f’postijiet li jistgħu jkun diffiċli li wieħed jilħaqhom b’vetturi tradizzjonali.