Se jsir investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro f’makkinarju ġdid għall-Karnival ta’ Malta; makkinarju li se jservi biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-Karnival f’pajjiżna.
Mill-edizzjoni tal-Karnival fi Frar li ġej, l-aġenzija Festivals Malta ser tibda tuża 20 tractor ġdid mgħammar b’teknoloġija moderna.
F’konferenza l-aħbarijiet tħabbar li dan il-makkinarju se jintuża mill-parteċipanti tal-Karnival biex jittrasportaw il-karrijiet tagħhom mill-imħażen għall-Belt, kif ukoll biex ikunu jistgħu jduru mat-toroq waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival bl-aktar mod sigur possibbli.
Dan l-investiment jinkludi ukoll 20 trailer ġdid li se jibdew jintużaw mis-sena d-dieħla.
Iċ-Chairman tal-aġenzija Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li dan l-investiment sinifikanti huwa biss wieħed mill-passi sabiex jogħla l-livell tal-Karnival, filwaqt li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li dawn il-vetturi jfissru bidla sinfikanti għall-Karnival, għax s’issa kien qed jintuża makkinarju xejn addattat bħala mezz ta’ trasport għall-karrijiet.
Qalet, “Huwa investiment li konna ilna nħarsu lejh, u meta tara anki l-importanza ta’ dawn il-vetturi f’termini ta’ safety fil-Karnival, huwa importanti ħafna għax aħna jkollna t-toroq tal-Belt li huma daqsxejn … meta jkollok ix-xita, speċjalment. Allura, dawn il-vetturi se jgħinu ħafna fuq dak il-livell.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, iddeskriva dan l-investiment bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex f’pajjiżna jkun hawn festivals aktar sostenibbli li jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent.
Qal, “Qed nibagħtu messaġġ ambjentali b’saħħtu immens fejn qed naraw kif, mill-paroli għaddejna għall-fatti u, konkretament, investejna biex anki dan l-avveniment ikun aktar wieħed li jirrispetta l-ambjent u wieħed li jagħti eżempju ta’ kif nistgħu nkomplu naħdmu flimkien biex intejbu l-kredenzjali ambjentali anki fis-settur ta’ avvenimenti kulturali.”
L-edizzjoni tal-Karnival ta’ Malta se ssir bejn is-17 u l-21 ta’ Frar, meta se jirritorna b’mod komplet fi żmienu għall-ewwel darba mill-pandemija ’l hawn.