Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu u qed jilqa’ l-pazjenti, wara li tlesta proġett ta’ rinovazzjoni u mmodernizzar biex mhux biss joffri ambjent isbaħ u iktar modern, imma jżid is-servizzi ta’ kura primarja lir-residenti ta’ Birkirkara u tal-madwar.
Dan iċ-ċentru qed joffri wieħed u għoxrin servizz ta’ kura primarja lil madwar ħamsa u tletin elf resident mill-akkwati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija.
Sitta mis-servizzi huma kompletament ġodda – il-klinika tat-tabib tal-familja bl-appuntament, żewġ servizzi ġodda speċjalizzati tal-kura tal-għajnejn, il-klinika tat-trabi, servizz ta’ ħaddiema soċjali, dietician u nutritionist.
Il-proġett sar b’investiment ta’ miljun u mitt elf ewro mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, Roseanne Camilleri spjegat li b’dan il-proġett, aktar servizzi u kura qed jersqu viċin iċ-ċittadin fil-komunità, u b’iżjed servizzi fil-komunità, dak li jkun jieħu ħsieb saħħtu iżjed b’kura tal-aqwa livell u bla ħlas.
“Bdilnieh kollu mill-qiegħ, tista’ tgħid qlajnih u dornih biex ikollna aktar servizzi. Żidna aktar kliniċi biex il-poplu jkun moqdi iktar kemm jista’ jkun fejn joqgħod u fejn jaħdem.”
Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja Roseanne Camilleri
Waqt żjara fiċ-ċentru rinovat, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne nnota kif dan il-proġett imur id f’id mal-viżjoni u l-istrateġija tal-Gvern biex iqarreb is-servizzi u l-kura lejn iċ-ċittadin.
“Dan iċ-ċentru ħa jkun qed jagħti servizzi varji, fil-fatt, wieħed u għoxrin servizz, ħafna minnhom ġodda, mhux biss ta’ tabib u nurse kif aħna mdorrijin, imma anki servizzi speċjalizzati bħal tat-trabi, tal-ortopedija, tal-għadam, tal-għajnejn u servizzi oħra biex ikomplu jġibu aktar il-kura viċin il-poplu tagħna. Il-politika tal-Gvern li nġibu s-servizzi tas-saħħa viċin in-nies fil-komunità qed tkompli tieħu l-ħajja anki issa b’daċ-ċentru l-ġdid ġewwa Birkirkara.”
Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Fix-xhur li ġejjin, mistennija jkunu inawgurati numru ta’ kliniċi fil-komunità li x-xogħol fuqhom jinsab fi stadju avvanzat, fosthom fis-Siġġiewi, f’Birżebbuġa, f’Ħad-Dingli u fil-Qala f’Għawdex.