Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar investiment ta’ aktar minn miljun ewro bħala parti minn programm ġdid ta’ fondi li jagħti sostenn lill-organizazzjonijiet kulturali, hekk kif imwiegħed fil-budget 2016.
Filfatt, illum 12 ta’ Lulju, ġew imħabbra 11-il organizzazjoni jew festivals kulturali li se jkunu qed jibbenefikaw mill–Cultural Partnership Agreement.
Il-Cultural Partnership Agreement huwa ftehim ta’ sħubija, f’forma ta’ Public Private Partnership (PPP), bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u dawn l-organizzazjonijiet jew festivals kulturali għat-tliet snin 2017-2019.
Dawn is-sħubiji se jkomplu jikkontribbwixxu sabiex dan is-settur ikun wieħed aktar professjonali permezz ta’ element qawwi ta’ taħriġ u mentoring li huwa parti mill-programm ta’ fondi.
L-organizzazjonijiet u l-festivals li se jibbenefikaw minn dan il-programm ta’ fondi huma: Beland Band Club, Film Grain Foundation, Inizjamed, L-Ghanja tal-Poplu, Malta Fashion Association, Malta Film Foundation, BLITZ, Kinemastik, META Foundation, Opening Doors Association u Teatru Salesjan.
L-għazla tal-benefiċjarji saret wara li ġiet ezaminata kull organizzazjoni li ssottometiet l-interess tagħha sabiex tidħol partners mal-Kunsill Malti għall-Arti. L-evalwazzjoni saret skont il-kriterji mniżżla fil-Linji Gwidi tas-sejħa fosthom ir-relevanza tal-programm artistiku mal-għanijiet tal-iStrateġija 2020 u l-pjan strateġiku tal-organizzazjoni.