L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ħabbret investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro f’Dar il-Mistrieħ fil-Floriana.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ u li għaliha attenda l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Waqt din il-konferenza ġie spjegat kif wara 35 sena inħass il-bżonn biex isir investiment sostanzjali sew favur faċilitaijiet ġodda għal din id-dar li tospita madwar 45 resident.
Fil-fatt, ġie spjegat kif bejn is-sena 2021 u 2022 il-Gvern diġà investa madwar €190,000.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo de Gabriele fejn sostna li qed tkompli l-ħidma sabiex id-Djar immexxija mill-Gvern ikollhom l-aqwa servizzi u infrastruttura sabiex tingħata l-aħjar kura ħolistika lir-residenti li jgħixu fihom. Fil-fatt, irrimarka li dan l-investiment mistenni jkun lest lejn l-aħħar tal-2023.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega li sostna l-importanza ta’ dan l-investiment ġewwa din id-dar favur l-anzjani li jirrisjedu jew li għad jirrisjedu fiha fil-futur.
Spjega wkoll li dan l-investiment kien importanti minħabba l-kundizzjoni tal-binja li maż-żmien bdiet tidditterjora u b’hekk inħass il-bżonn li tiġi imħarsa l-istruttura tagħha filwaqt li jinżamm livell ta’ standard għoli. Dan apparti li jsir investiment li sabiex joffri kliniki multi dixxiplinari biex ir-residenti jingħataw trattament ħollistiku f’din id-dar.