Fil-Budget 2021, il-Gvern ser jkun qed jembarka fuq programm ta’ investiment ta’ aktar minn €450 miljun sabiex jibdel wiċċ l-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.
Dan l-investiment se jkopri ħolqien ta’ spazji u uffiċċji ġodda għal negozji, investiment f’Life Sciences Park ġdid, ċentru kummerċjali f’Kordin u investiment fir-riġenerazzjoni ta’ żona li kienet tintuża bħala miżbla fil-Marsa.
Hawnhekk se jkun qed jinħoloq spazju ġdid għal negozji żgħar u medji u kif ukoll investiment f’ċentru għal-loġistika.
Apparti minn hekk jinsab fi stadju avvanzat il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali hekk kif il-Gvern kommess li dan il-proġett jitlesta sas-sena d-dieħla. Hawnekk fil-fatt, bħala parti minn dan il-Budget, tfassal pjan biex il-Gvern jagħti l-appoġġ kollu lil dawk in-negozji li waqgħu lura fil-bini tal-proġett tagħhom biex b’hekk l-iżvilupp tal-Villaġġ jitlesta kollu f’daqqa.