Ix-xogħol fuq żewġ proġetti kbar fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex miexi b’ritmu mgħaġġel u, meta jitlesta, l-istudenti li jattendu fil-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, Għawdex, kif ukoll fl-Iskola Primarja tan-Nadur, se jkollhom ambjent edukattiv mill-aqwa.
Dawn iż-żewġ proġetti flimkien qed isir investiment fihom ta’ €24.3 miljun.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru dawn il-proġetti u ngħataw informazzjoni dwar ix-xogħol li qiegħed isir.
Il-bini ta’ Skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li se tieħu post dik preżenti li għandha madwar 160 sena, huwa proġett b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u jinvolvi wkoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.
Dan il-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, Għawdex, huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.
Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tlesta aktar kmieni dan ix-xahar u bħalissa qed isiru x-xogħol mekkaniku u l-installazzjonijiet elettriċi, inkluż l-installazzjoni ta’ diversi servizzi tal-elettriku, l-ilma, l-arja kundizzjonata, u servizzi tat-teknoloġija tal-informatika.
Dan il-kampus jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, skola primarja, skola medja, Senior School, kif ukoll is-Sixth Form, u faċilitajiet sportivi ġodda.
Ix-xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni saru taħt is-sorveljanza ta’ arkeologi tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għax fis-sit instabu fdalijiet arkeoloġiċi li, biex jiġu preservati tajjeb, inbena ċentru ta’ interpretazzjoni arkeoloġika fil-binja tal-iskola.
Il-proġett tal-Iskola Primarja tan-Nadur jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti, b’investiment ta’ €6.3 miljun u għalih hemm fondi taħt il-Programmi NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.
Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti ekstra-kurrikulari, fosthom dance studio, music room, literacy room, theatre studio, u klassijiet għall-arti.
Se tiġi indirizzata wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja biex din tkun skont il-liġi u se jiġu introdotti diversi miżuri ta’ użu effiċjenti tal-enerġija.
Ix-xogħol ta’ tisbiħ f’din l-iskola qed isir f’żewġ fażijiet, bix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-ewwel fażi huma lesti u bħalissa qed isiru x-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, u xogħol ieħor. Il-proġett se jkun lest għas-sena skolastika li tibda din is-sena.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li x-xogħol fuq dawn iż-żewġ proġetti jixhed I-impenn li għandu dan il-Gvern biex joffri ambjent edukattiv mill-aqwa lill-istudenti.
“Proġetti maġġuri f’żewġ skejjel f’Għawdex. Dik tan-Nadur, li xogħol miexi ġmielu, fejn bħalissa għaddejjin il-finishings, li qed nagħmlu wing f’din l-iskola, filwaqt li fis-sajf se nkunu qed nagħmlu l-wing l-oħra. B’hekk lejn l-aħħar ta din is-sena se nkunu nistgħu nagħtu skola referbished mill-ġdid lit-tfal tagħna fil-każ tan-Nadur.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima spjega li dawn huma tnejn minn għadd ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa mill-Fondazzjon għall-Iskejjel ta’ Għada.
“Qed ninvestu f’numru ta’ faċilitajiet edukattivI madwar il-pajjiż kollu, u rajna li Għawdex ma jkunx eċċezzjoni. Infatti, żorna żewġ skejjel li qegħdin f’xogħol avvanzat; xogħol li għandu għan wieħed: dak li jipprovdi l-għodda kollha neċċesarja biex l-istudenti jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”