Fi sforz biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà f’pajjiżna, ġiet inawgurata dgħajsa ġdida għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, b’investiment ta’ €2 miljun.
B’dan l-investiment se tkun qed tissaħħaħ is-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili, għax se tkun tista’ tlaħħaq aħjar f’inċidenti ta’ nirien ta’ bċejjeċ tal-baħar żgħar u medji. Permezz tagħha se jkun possibbli wkoll li jsir l-ewwel intervent fuq nirien ta’ bastimenti kbar.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-investiment kapitali f’sena waħda huwa 18-il darba iżjed minn kemm kien għaxar snin ilu.
Illum in-nefqa kapitali f’dan id-dipartiment qabżet it-8 miljun u ħames mitt elf ewro.
Barra minn hekk, qed tiġi esplorata l-possibilità ta’ assistenza anke fuq l-art, f’każijiet viċin ix-xtajtiet.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal li dan l-investiment qed jallaċċja wkoll ma’ investiment fit-tieni rhib tad-Dipartiment, li jammonta għal €300,000 u li issa se jkun jista’ jopera minn Għawdex, partikolarment biex jassisti lil dawk li jsibu diffikultà qrib l-irdumijiet u diffikultajiet oħrajn.
Huwa aċċenna wkoll għall-katina ta’ investimenti li saret biex toffri serħan il-moħħ lil dawk kollha residenti f’pajjiżna, sabiex id-Dipartiment ikollu l-faċilitajiet li jgħin bl-aħjar mod u fl-inqas ħin possibli.
Il-Ministru Camilleri semma wkoll ir-rivoluzzjoni li għadda minnha d-Dipartiment, wara li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kien meqjus bħala Dipartiment tas-second hand.
Il-Ministru Byron camilleri qal “Fil-Protezzjoni Ċivili morna minn Dipartiment tas-second hand, taħt Gvern Nazzjonalista, għal dipartiment li kontinwament ninvestu, mhux biss sabiex inkomplu bis-salvataġġ fuq l-art, iżda wkoll investiment massiv biex nagħmlu salvataġġm inkluż fejn jidħol nar, fuq il-baħar, fuq il-bċejjeċ tal-baħar u anke persuni li jkollhom diffikultajiet waqt li jkunu qed jgħumu.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li dan l-investiment ifisser li, issa li riesaq is-sajf, ir-rispons tad-Dipartiment fuq il-baħar jista’ jkun ikun rapidu.
Huwa spjega li din id-dgħajsa l-ġdida topera b’veloċità ta’ aktar minn 44 mil nawtiku fis-siegħa u tippompja aktar minn 5,000 litru ilma fil-minuta.
Din id-dgħajsa kapaċi wkoll issorġi dgħajsa ma’ oħra u hija magħmula biex tkun tista’ tidħol f’postijiet ristretti.
Għandha l-abbilità wkoll li tforni ilma lill-vetturi tat-tifi tan-nar.
Peter Paul Coleiro qal “Illum primarjament qed naraw id-dgħajsa tat-tifi tan-nar. Hija lanċa veloċi ħafna fuq il-baħar. Tintuża speċifikament biex titfi nirien li jkunu fuq dgħajjes u forsi jkun hemm familji fil-periklu. Għandha ħafna rwoli: primarjament li titfi, imma jekk ikollok nies li jkunu waqgħu fil-baħar, forsi jkollhom bżonn l-assistenza, tista’ tingħata lilhom ukoll.”