B’investment ta’ aktar minn mija u għoxrin elf ewro (€120,000) tlesta x-xogħol mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa fuq ir-restawr tal-batterija tat-Torri l-Abjad fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies u li fih ġie inawgurat dan il-proġett, il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa Alex Torpiano esprima s-sodisfazzjon tiegħu li Din Ħelwa ħadmet fuq dan il-proġett flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu.
Torpiano stqarr: “Huwa bi pjaċir kbir illi Din l-Art Ħelwa ħadmet ma-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għar-restawr ta’ din il-batterija madwar it-Torri l-Abjad. Għaliex huwa importanti illi dawn il-postijiet nieħdu ħsiebhom u Din l-Art Ħelwa kif għamlet matul dawn l-aħħar ħamsa u ħamsin sena dejjem talbet din l-opportunità għaliex hu importanti għal Malta.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Bartolo stqarr li dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku Malti.
Għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, u s-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella.