Waħda mill-ikbar kumpaniji fid-dinja fl-istampar tal-flus għażlet lill-pajjiżna għall-investiment li jmiss.
Dan l-investiment se jkun qiegħed isir fuq art ta’ 14,000 metru kwadru f’Ħal Far. Se jibda b’mitt miljun dollaru Amerikan u se joħloq 300 impjieg ġdid.
Il-faċilità f’Ħal Far trid tibda tkun lesta sa t-tielet kwart tas-sena d-dieħla u tibda taħdem fl-ewwel xhur tas-sena ta’ wara.
L-iffirmar li se jġib il-kumpanija Malta u li għalaq xhur ta’ negozjati bejn l-awtortitajiet Maltin u Crane Currency sar f’Boston, l-Istati Uniti fil-preżenza tal-Prim Ministru, Joseph Muscat. Fil-kwartieri tal-kumpanija, Joseph Muscat tkellem dwar kif din hija kisba importanti u sinjifikanti għax tħabbret proprju fit-tnejn u ħamsin anniversarju mill-kisba tal-Indipedenza.
L-investiment mill-kumpanija Crane huwa l-ikbar investiment inizzjali fil-qasam tal-manifattura mis-snin tmenin ‘l hawn meta bdiet topera minn pajjiżna l-kumpanija ST Microelectronics, dak iż-żmien SGS.
Il-kumpanija taħdem minn diversi postijiet. Minn Dalton, Massachusetts tipproduċi l-flus għal gvern Amerikan, f’New Hampshire tipproduċi aspetti ta’ sigurtà, fl-Isvezja tistampa flus internazzjonali u f’Georgia tiżviluppa r-riċerka u l-iżvilupp.
Dan kollu kien żviluppat f’mitejn sena esperjenza li matulhom Crane bdiet tkun fdata minn diversi bankijiet ċentrali madwar id-dinja. Crane hija l-iktar kumpanija li qed tikber f’dan is-settur b’erbgħin fil-mija tal-impjegati jaħdmu barra mill-Istati Uniti.
Dan l-investiment mill-Istati Uniti jingħaqad ma’ oħrajn li fl-aħħar tliet snin li ġew pajjiżna minn kull rokna tad-dinja. Fosthom miċ-Ċina, Sinagapore, l-Indja, il-Ġordan, l-Azerbaijan u r-Renju Unit.