Wara li saru diversi xogħlijiet infrastrutturali fuq il-binja tal-Qorti sabiex ikun hemm aktar post minn fejn jinstemgħu l-kawzi bl-għan aħħari jkun dak li jonqsu l-kawżi pendenti, inħass il-bżonn li jitkabbar ir-Reġistru tal-Qorti tal-Familja sabiex ikun jista’ jakkomoda l-bżonnijiet tal-lum il-ġurnata. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal dan waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Familja.
Il-Ministru Bonnici spjega li l-pubbliku kien ilu jilmenta li r-Registru tal-Qorti tal-Familja kien żgħir wisq għall-htiġijiet tal-lum u għalhekk sar investiment biex jinfetaħ reġistru ikbar u iktar spazjuż. Dr Bonnici faħħar lill-amministrazzjoni tal-Qorti li mmassimizzat ir-riżorsi interni tagħha sabiex jikber il-value for money, tant li l-capital outlay kienet biss ta’ 64,000 ewro minkejja x-xogħol estenisiv li sar. Dan it-tkabbir fir-Reġistru seħħ wara li, bi pjan li ilu jiġi implimentat sa mil-leġiżlatura preċedenti, ġew rilokati għadd ta’ uffiċċji tal-ġudikanti u l-istaff tagħhom u tal-assistent ġudizzjarji li kienu jokkupaw l-ħames uffiċċji fir-raba’ sular tal-Qorti tal-Familja.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Imhallef Silvio Camilleri faħħar din l-inizjattiva u qal li dan l-ambjent huwa bla dubju pass ’il quddiem. Hu saħaq li fl-istess waqt wasal iż-żmien li wieħed jaħseb fi spazju ikbar u ġdid għall-Qorti.
Dan ir-Reġistru beda jintuża minn nhar it-Tnejn 2 t’Ottubru wara li sar ħafna xogħol fil-ferjat tas-sajf sabiex ma joħloqx inkonvenjent għall-pubbliku u l-professjonisti li jagħmlu użu minn dan ir-Reġistru. Faċilità oħra li ġiet inkluża fil-proġett kienet sistema ta’ arja kkundizzjonata għad-data room fl-istess post.