Uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi rreġistraw bħala donaturi tal-organi u r-reġistrazzjonijiet rispettivi tal-uffiċjali ġew ippreżentati l-Ħamis filgħodu lill-Aġent Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia waqt żjara li għamlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia filwaqt li hu wkoll irringrazzja lill-uffiċjali għar-reġistrazzjoni tagħhom bħala donaturi tal-organi, qal li xtaq jirringrazzjahom ukoll għax-xogħol kbir li jsir fil-Faċilità Korrettiva u li ħafna drabi jmur lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom u jżommhom ukoll ‘il bogħod mill-familji tagħhom.
Il-Ministru żied jgħid li bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ mill-Aġenzija għal aktar uffiċjali, reklutaġġ li se jkun ifisser aktar sigurtà u aktar għajnuna lir-residenti tal-Faċilità.
Sadattant sar u qed isir investiment qawwi fil-Faċilità Korrettiva nnifisha, fosthom f’body scanners u baggage scanners kif ukoll taħriġ lill-ħaddiema fejn jirrigwarda possibiltà ta’ nirien, l-ewwel għajnuna medika kif ukoll kontroll ta’ diżordni.
Ġiet introdotta wkoll sistema fejn malli jiddaħħal resident ġdid jitfassal pjan personalizzat għall-individwu bbażat primarjament fuq riabilitazzjoni. Għaddej ukoll proċess li hu pjanat li se jwassal biex ir-residenti flok jagħmlu xogħol fiċ-ċelel tagħhom jibdew jagħmluh f’ambjent ta’ post ta’ xogħol fil-Faċilità nnifisha.
Il-Ministru Farrugia rrefera wkoll għas-servizzi lir-residenti, fosthom il-kċina, fejn illum ir-residenti ma jiklux ‘dak li joħroġ il-kunvent’ imma tfassal ukoll menu. Huwa temm jgħid li l-progress li qed isir qed jidher u jinħass kemm mill-uffiċjali u l-ħaddiema tal-Faċilità kif ukoll mir-residenti nfushom.