Is-suq globali ta’ turiżmu reliġjuż hu wieħed mill-akbar li jeżistu, tant li, skont statistika fl-elfejn u tmintax, kważi erba’ mija u ħamsin miljun turist internazzjonali vvjaġġaw għal dan il-għan.
Pajjiżna, li hu mogħni b’diversi attrazzjonijiet reliġjużi f’kull rokna tiegħu, hu wieħed minn dawk li qed jinvesti b’saħħtu f’din in-niċċa, tant li fl-aħħar snin saħħaħ u tejjeb il-prodott li kapaċi joffri lill-barranin.
Dwar dan tkellimna ma’ Francelle Caruana, Maniġer tal-Proġetti fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li spjegat li l-awtorità għarfet mill-ewwel il-prominenza ta’ dan it-tip ta’ turiżmu.
Francelle Caruana qalet “Qed naħdmu fuq proġetti biex intejbu l-prodott fil-gżejjer Maltin biex il-viżitatur ikollu aktar postijiet fejn jista’ jżur. Fost dawn, l-Awtorità qed titkellem mal-Knisja biex ittejjeb il-mużewijiet li jinsabu biswit il-knejjes, bħall-Aula Capitularis Museum biswit il-Bażilika ta’ Santa Liena.”
L-Awtorità ukoll qed tagħmel xogħlijiet fil-Mellieħa fejn iffinanzjat parti mill-proġett ta’ Pilgrim Lodge fejn l-idea hi li dan il-mużew jagħti ħarsa tat-tifsira ta’ pellegrinaġġ. Il-parti l-oħra tal-mużew ħa tkun qed toffri esebizzjonijiet ta’ tradizzjonijiet u folklor tal-passat.
Proġetti oħrajn jinkludu restawr ta’ pitturi prominenti kif ukoll installazzjoni ta’ dawl ġdid fuq il-faċċati tal-knejjes. Saru wkoll interventi ta’ restawr fuq statwi u niċeċ f’diversi lokalitajiet madwar Malta.
Caruana spjegat li, għalkemm din in-niċċa hi waħda ġdida, l-indikazzjonijiet huma pożittivi ħafna.
Qalet li l-għan tal-Awtorità hu li, minbarra li tkompli tippromwovi u ttejjeb l-prodott ewlieni bħall-Knisja tal-Mosta u s-Santwarju ta’ Pinu, qed taħdem bis-sħiħ biex il-viżitatur jiġi offrut pjattaforma ta’ postijiet reliġjużi u kulturali li wieħed jista’ jgawdi.
Caruana spjegat li minbarra proġetti li jagħtu spinta ’l quddiem l-prodott turistiku, l-Awtorità qed tara wkoll kif tista’ taħdem b’mod innovattiv u tippromwovi l-prodott li l-ġżejjer Maltin jistgħu joffru b’mod elettroniku.
Hija kompliet tgħid li “Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw dawn il-postijiet minn barra minn xtutna. Ikun jista’ jidħol fi knisja, jew inkella fil-mużew u jkun jista’ jidħol u jaċċessaw informazzjoni fuq l-Ordni tal-Knisja. Mir-riċerka sibna li l-viżitaturi, li jaċċessaw dawn l-affarjiet, ikollhom aktar aċċess biex jiġu pajjiżna.”
In-niċċa tat-turiżmu reliġjuż hi parti żgħira mil-investiment li l-Awtorità qed taħdem fuqhom biex issebbaħ u ttejjeb il-prodott turistiku tal-gżejjer Maltin. Fost proġetti li taħdem fuqhom jinkludu dawk tal-istorja, postijiet urbani, kostali u rurali.
F’dawn l-aħħar xhur l-MTA ħadmet kemm ma’ NGOs kif ukoll ma’ entitajiet oħrajn tal-Gvern biex jitwettqu proġetti bħal restawr ta’ torrijiet kostali madwar il-pajjiż, bħal dawk fit-Torri l-Aħmar u t-Torri tad-Dwejra.