F’temp ta’ ħames snin, sal-2027, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jagħmel investiment massiċċ ta’ madwar €175 miljun.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, li qal li €40 miljun minn dan l-investiment se jkunu parti mill-proġetti li se jibdew tul din is-sena.
Alan Borg qal li din ir-riġenerazzjoni se twassal, fost l-oħrajn, biex jitkabbar it-terminal tal-ajruport.
Qal, “Dawn il-fondi se jkunu ddedikati lejn, l-ewwel nett, l-espansjoni tat-terminal. L-infrastruttura għandha bżonn tikber, speċjalment fil-West Side tat-terminal, jiġifieri fejn aħna nilqgħu passiġġieri illi jaslu lejn Malta, kemm fl-area tan-non-Schengen u fix-Schengen area, u hemmhekk għandna żvilupp biex nirduppjaw l-area fejn hemm il-passport control, jiġifieri fin-no Schengen Area, u wkoll inżidu route oħra biex jidħlu l-passiġġieri li jidħlu mix-Schengen countries.”
Ma’ dan se tiġi estiża wkoll is-sala minn fejn wieħed jiġbor il-bagalji, fejn se jiżdiedu żewġ baggage reclaim belts oħra.
Parti minn dan xogħol se jkun jinkludi xogħol ta’ titjib fir-runway. L-ewwel se tibda t-tieni runway u wara se jsir xogħol fir-runway prinċipali tal-ajruport.
Parti minn dan l-investiment massiċċ huwa l-bini ta’ Apron X. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda f’Settembru li għadda. Intqal li parti minn dan il-proġett se tkun infetħet sas-sajf tas-sena d-dieħla u l-proġett finali mistenni jkun lest sena wara, fl-2025. Dan il-proġett se jkun qed ikabbar il-kapaċita tal-ajruport Malti.
Alan Borg qal li dan l-investiment se jkun jinkludi wkoll il-bini ta’ SkyParks 2, li mistenni jkun akbar mill-bini ta’ SkyParks, u anki tħabbar li se jsir rinnovar tat-Terminal tal-VIP.
Qal, “Għandna fiduċja kbira illi l-industrija tat-turiżmu se tirkupra u n-numri li kellna fl-2019 ħa nilħquhom, sooner or later, u on the other hand nemmen li aħna, bħala l-uniku ajruport f’Malta, għandna l-obbligu li dejjem insaħħu u ntejbu l-esperjenza ta’ kull min jiġi jżur il-pajjiż tagħna.”
Dan il-proġett kbir se jkun qiegħed jaħseb ukoll fl-ambjent u s-sostenibilità. Fil-fatt, se jsir investiment kbir fil-panelli fotovoltajċi sabiex l-ajruport jilħaq mal-miri ambjentali ta’ pajjiżna.