Matul l-aħħar tliet snin, l-investiment mill-Enemalta fid-distribuzzjoni tal-elettriku kien wieħed massiċċ, kif tixhed informazzjoni dettaljata li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru responsabbli, Miriam Dalli.
Waqt li wieġbet mistoqsijiet mid-Deputata Eve Borg Bonello, li talbet tagħrif fuq l-investiment fin-network nazzjonali, il-bini ta’ madwar 200 substation ġdida b’teknoloġija awtomatizzata u n-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024, il-Ministru Dalli fakkret li l-Enemalta tinsab biss f’nofs il-pjan nazzjonali b’investiment bla preċedent fl-istorja.
Fil-fatt, il-pjan għat-tisħiħ tas-sistema imħabbar fl-2022 hu mifrux fuq sitt snin, waqt li ġew allokati €90 miljun biex ikun jista’ jiġi implimentat.
Il-Ministru tenniet li, fl-2022 u l-2023, l-Enemalta kkummissjonat 80 substation ġdida, flimkien ma’ tkabbir ta’ transformers fi 22 substation oħra. Minbarra hekk inbidel is-switchgear f’44 substation oħra.
Ma’ dan ix-xogħol, tqegħdu mat-18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju kif ukoll 145 feeders ġodda ta’ vultaġġ baxx.
Fl-istess sentejn, iċ-ċentri ta’ distribuzzjonijiet ta’ Marsaskala, l-Imrieħel u Ħal Tarxien ġew imsaħħa u rdoppjatilhom il-kapaċità biex ifornu lill-konsumaturi.
Fl-2024, imbagħad, l-Enemalta skattat pjan aċċellerat ta’ tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni fejn, b’investiment ta’ €55 miljun, tpoġġew 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’sitt xhur. Lejn l-aħħar tas-sena, inbdew ix-xogħlijiet biex jitpoġġew 60 kilometru ta’ iżjed cables ġodda madwar Malta u Għawdex.
Inbidlu wkoll mas-47 kilometru ta’ linji tal-elettriku fit-toroq.
Is-sena l-oħra wkoll, l-Enemalta kkummissjonat 54 substation ġdida f’bosta lokalitajiet, waqt li għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir tal-kapaċità f’47 substation eżistenti u biddlet 29 switchgear fejn ġie installat apparat aktar modern.
Sar ukoll xogħol fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u ssaħħew oħrajn, bħal dawk f’Buġibba, l-Imsida, St Andrews, in-Naxxar, is-Siġġiewi, u nbeda x-xogħol f’link ġdida ta’ 132 kilovolt bejn it-terminal fil-Magħtab u ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta bi tħejjija għat-tieni interconnector ippjanat li għandu jkun lest is-sena d-dieħla.
Il-Ministru rrimarkat li s-substations il-ġodda fl-aħħar tliet snin huma kollha mgħammrin b’sistema awtomatizzata li tiffaċilita l-ħidma u tiffranka l-ħin tal-inġinieri.
Żiedet ukoll li, fl-aħħar tliet snin, ġew ikkummissjonati 145 substation ġdida – b’49 substation fl-2022, 42 fl-2023 u 54 fl-2024 – b’valur li jaqbeż l-€10 miljun. Dan minbarra xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisħiħ u mmodernizzar fil-142 substation eżistenti.