B’investiment ta’ seba’ miljun ewro ser ikun qed isir proġett massiċċ fiċ-ċentru ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità fl-Imtarfa. Dan iċ-ċentru mmexxi mill-Aġenzija Sapport ser ikun qed jinbidel f’wieħed attrezzat bl-aħjar mod sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiksbu l-indipendenza tagħhom u tkompli tkun xprunata l-inklussività.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Sapport, Ruth Sciberras spjega kif dan il-proġett mifrux fuq ħames snin ser ikun qed jibdel dan iċ-ċentru antik fl-Imtarfa f’wieħed tal-ogħla kwalità f’pajjiżna u bl-aħjar attrezzamenti.
Hija qalet, “F’dan iċ-ċentru tal-Imtarfa fejn għandna mal-mitt persuna b’diżabilità li diġà qiegħda tattendi ser ikollna gym, ġonna li huma multi-sensory għaliex aħna għandna anke nies b’awtiżmu hawnhekk u allura u għalhekk dik tagħmel ħafna sens, ikollok attrezzament għalihom. Apparti hekk it-teknoloġija ser tkun waħda avvanzata ħafna u ser ikollna anke independent living centre li ser ikun modern ħafna.”
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella stqarr kif din kienet ħolma ta’ bosta professjonisti fil-qasam. Stqarr kif permezz ta’ proġett bħal dan, il-kunċett tal-inklużjoni jkompli jitħaddem fis-soċjetà Maltija. Id-Direttur tal-proġett Joseph Cini stqarr kif issa tnediet l-ewwel fażi tal-proġett b’investiment ta’ żewġ miljun u seba’ mitt elf ewro. Il-proġett ser jara fost l-oħrajn il-bini ta’ binja ġdida fuq wara taċ-ċentru eżistenti. It-tieni fażi għandha twassal għar-restawr tal-binja l-antika u f’tibdil tas-sistemi tal-ilma u l-elettriku fost l-oħrajn.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli spjegat kif din kienet wegħda elettorali ta’ Gvern Laburista li jagħmel proġetti ta’ rinovazzjoni f’dawn iċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilità.
Hija stqarret: “Irridu naraw illi l-esperjenza tal-persuni b’diżabilità tkun waħda pożittiva. Mill-persuna li tasal hawnhekk għall-ewwel darba sal-esperjenza ħolistika li wieħed jieħu. Proġett ta’ seba’ miljuni fuq medda ta’ ħames snin.