Meta laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lis-Sindki tal-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex u lill-Presidenti Reġjonali, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern hu impenjat li jibqa’ jinvesti flimkien mal-kunsilli lokali fi proġetti ambjentali ġodda u ambizzjużi flimkien ma’ infrastruttura aqwa u servizz aħjar liċ-ċittadini fil-komunitajiet tagħna.
Fl-okkażjoni tat-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-kunsilli lokali, il-Prim Ministru sostna li d-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu mibnija fuq bilanċ bejn l-interessi tas-soċjetà u dak li naspiraw għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jimbotta favur it-titjib tal-komunikazzjoni bejn entitajiet governattivi u l-istess kunsilli.
Dr Abela nnota kif, waqt li s-sena li ġejja l-kunsilli lokali se jgħaddu minn test elettorali, irringrazzjahom tal-kontribut qawwi b’risq il-komunitajiet Maltin u Għawdxin u ħeġġiġhom ikomplu jsaħħu l-impenn għal-lokalitajiet.