Kumpaniji kbar Maltin tal-manifattura qed jinvestu f’teknoloġija tar-raba ġenerazzjoni li tinkludi intelliġenza artifiċjali u robotika avvanzata fost affarijiet oħra.
Dan spjegah ma’ ONE News, l-Inġinier Dr Emmanuel Francalanza, li jmexxi d-Dipartiment Industrijali, Manifattura u Inġinerija fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Dr Francalanza ħadna miegħu fil-laboratorju li jintuża mid-Dipartiment fejn hemmhekk laqqana ma’ teknoloġija robotika avvanata li qed jinvestu fiha kumpaniji lokali.
Huwa spjegalna l-użu ta’ din it-teknoloġija avvanzata u x’jagħmilha daqsekk attreanti u effettiva fil-qasam tal-manifattura.
Fil-fatt, Dr Francalanza tenna kif ir-robots avvanzati b’teknoloġija tar-raba ġenerazzjoni issa jieħdu inqas żmien sabiex jiġu programmati filwaqt li huma aktar aċċessibbli, sensittivi u intelliġenti għal dak kollu li jiżviluppa madwarhom.
“Fejn qabel ir-robot ried jiġi programmat u kien ikollok ħafna programming involut dan it-tip ta’ robot huwa ħafna iktar sempliċi biex tiprogrammah, tista’ ċċaqalqu b’idejk u tieħdu f’pożizzjonijiet fejn irid jagħmel l-azzjoni u jitressaq minn hemmhekk.
Dr Francalanza spjega wkoll għaliex numru ta’ kumpaniji Maltin fis-settur tal-manifattura qed jinvestu f’din it-teknoloġija.
“Qed naraw kif numru ta’ kumpaniji Maltin propju qed jinvestu f’din it-tip ta’ teknoloġija biex jibqgħu kompettivi. Jiġifieri l-kumpaniji Maltin qed jirrealizzaw li biex il-manifattura tibqa’ b’saħħitha f’Malta huwa propju dan it-tip ta’ investiment li jrid isir li jużaw iktar teknoloġija avvanzata biex il-manifattura timxi ’l quddiem u tibqa’ aktar kompettiva.”
Madankollu sostna li dan mhux faċli daqs kemm jinstema’ hekk kif qed jinħass il-bżonn li aktar ħaddiema fi ħdan il-qasam tal-manifattura f’pajjiżna jkunu mħarrġa biex jużaw dawn it-tip ta’ teknoloġiji emerġenti.
Hawnhekk irrimarka t-tnedija tal-proġett Icarus, iffinanzjat mill-Erasmus + li propju jara li jindirizza dan.
“Flimkien ħloqna dan l-ICARUS Project li fih propju taħglim diġitali li jista’ jiġi aċċessat b’xejn fil-ħin għal persuna biex jista’ jitgħallem u jżomm ruħu aġġornat fuq dawn it-teknoloġiji. Jiġifieri l-Inġinier li forsi gradwa 5, 10 snin ilu fejn forsi dawn it-teknoloġiji ma’ kienu għadhom jeżistu allura jkun jista’ jaġġorna ruħu u jġib it-tagħlim fuq dawn l-affarijiet biex ikun jista’ jimplimentahom fuq il-post tax-xogħol.”