B’investiment ta’ ħamsa u sittin elf ewro minn Aġenzija Residenza Malta, fl-iskola primarja u l-iskola sekondarja tal-Kulleġġ Maria Reġina fil-Mosta se jsiru xogħlijiet ta’ tisbiħ.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-iskola primarja, fejn il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Patrick Decelis qalilna li dawn ix-xogħlijiet huma maqsumin fi tnejn; fl-librerija fl-iskola primarja u laboratorju modern fl-iskola sekondarja.
Qal, “Din id-darba qegħdin nitkellmu fuq librerija li bħalissa hija kollezzjoni ta’ kotba fuq l-ixkafef mentri aħna nixtiequ nagħmlu post attraenti fejn l-istudent dejjem lest jidħol b’ċertu ħeġġa u anke l-laboratorju tax-xjenza kif jistgħu jsiru ftit aħjar, iżjed moderni. Se nipprovaw wieħed biex ikollna idea kif jista’ jsir iżjed ‘il quddiem f’laboratorji oħra wkoll.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana saħqet li dawn il-proġetti fl-iskejjel mhux biss itejbu l-infrastruttura tal-iskejjel iżda jixprunaw t-tagħlim fit-tfal.
Spjegat, “Iż-żewġ investimenti li ħabbarna llum fil-librerija u fil-laboratorju huma marbuta wkoll ma’ żewġ strateġiji importanti li qegħdin nniedu wkoll anke bħalissa hemm il-konsultazzjoni għaddejja dwarhom. Allura qed naraw kif il-politika qed nabbinawha, qed norbutha ma’ proġetti tanġibbli.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat, ħeġġeġ lil dawk il-kapijiet kollha tal-iskejjel li għandhom xi ideat li bihom jistgħu jtejbu t-tagħlim fl-iskejjel sabiex jersqu ‘l quddiem.
Qal, “Minn naħa nattiraw l-investiment u noħolqu l-ġid u minn naħa l-oħra huwa importanti ħafna li dak il-ġid ninvestuh sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal tagħna u anke tal-familji tagħna.”