Il-medalja tal-bronż fil-ġudo fil-logħob tal-Commonwealth li qed isir f’Birmingham ġiet deskritta bħala investiment li qed iħalli l-frott. Il-bronż rebħitu Katryna Esposito fil-kategorija ta’ taħt it-48 kilo.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, filwaqt li feraħ lill-Esposito qal li dan hu riżultat importanti ieħor. “Another top result,” sejjaħlu Cutajar fuq il-midja soċjali. “L-investiment qed iħalli l-frott,” qal Cutajar, li fl-aħħar ġimgħat kienu diversi l-okkażjonijiet meta, fl-irwol tiegħu, seta’ jifraħ lill-atleti li kisbu suċċess f’logħob ta’ ċertu livell.
L-ambaxxatriċi Maltija għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Vanessa Frazier, li hi wkoll ġudoka, ferħet lil Esposito u ddikjarat li l-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa qed tikseb riżultati li fi snin oħra wieħed seta’ biss joħlom li jiksibhom.