Iż-żieda għal tliet maġistrati ffokati fuq il-vjolenza domestika wasslet għal riżultati mixtieqa, hekk kif is-sena li għaddiet ġew deċiżi 110 kumpilazzjoni minn 125 li ddaħħlu.
Dan filwaqt li ġew introdotti 1,845 kawża sommarja u ġew deċiżi 1,549 relatati ma’ vjolenza domestika.
Dan ingħad fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja u s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, li enfasizzaw kif, f’din il-leġiżlatura, is-seduti li jittrattaw il-vjolenza domestika diġà żdiedu minn medja ta’ tnejn jew tlieta għal medja ta’ tmienja fil-ġimgħa.
Il-Gvern ukoll diġà wera l-intenzjoni li jkompli jżid il-maġistrati speċjalizzati biex isaħħaħ il-ġudikatura u ma jagħmilx kif kien jiġri qabel, jiġifieri każi ta’ vjolenza domestika jitqiesu daqs kull tip ta’ każ ieħor.
L-istqarrija tenniet li l-amministrazzjoni Laburista se tkompli tinvesti f’aktar kampanji ta’ edukazzjoni u għarfien biex aktar persuni jingħataw l-assistenza meħtieġa.
“Wieħed ifakkar li ż-żieda fir-rapporti hi xhieda ta’ kemm illum hawn aktar kuxjenza dwar din il-pjaga soċjali u s-servizzi disponibbli, kuntrarjament għall-passat meta dan ir-reat kien jibqa’ mistur bejn l-erba’ ħitan tad-dar,” ingħad fl-istqarrija tal-Gvern, waqt li kompliet li l-appell jibqa’ wieħed kostanti, li din il-pjaga soċjali m’għandha qatt tintuża bħala ballun politiku.