Tul dawn l-aħħar sentejn, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għamlet investiment kontinwu u bla preċedent kemm infrastrutturali, kif ukoll fir-riżorsa umana.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, b’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq is-settur ġustizzja.
Intqal li xhieda ta’ dan hi l-allokazzjoni ta’ sittin miljun ewro għas-settur tal-ġustizzja fl-aħħar baġit, li tfisser żieda ta’ 21% mis-sena l-oħra.
Il-Ministru responsabbli Jonathan Attard fakkar li bil-proġett magħruf bħala tal-Ferjol, il-binja se tiġi riġenerata f’Qorti tal-Kriminal, b’investiment totali ta’ ’l fuq minn €5 miljun.
It-tender ġie maħruġ fit-12 ta’ Jannar, u qiegħed fil-proċess tal-aġġudikazzjoni. Din il-binja se ssarraf fi tliet awli mgħammra bl-aħħar teknoloġija, sigrieti tal-imħallfin u numru ta’ uffiċini għall-ħaddiema li jassistu lill-ġudikatura.
Din il-binja se jkun fiha wkoll ir-reġistru tal-kriminal, kif ukoll kunċett innovattiv għal pajjiżna, dak ta’ żona speċjalizzata għall-vittmi.
B’din iż-żona se tkun aċċessibbli għall-vittmi biss u se jkollha entratura differenti biex ikun assigurat l-aħjar protezzjoni possibbli.
Intqal li l-Aġenzija żiedet Awla addizzjonali fil-Qorti tal-Familja u sar xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ biex din il-binja tkun l-ewwel binja Grade A Energy, kif ukoll Awla addizzjonali għall-ġurijiet fil-Qorti prinċipali.
Dan flimkien ma’ żieda ta’ uffiċini ġodda għall-ġudikatura, il-ħaddiema li jassistuhom, kif ukoll uffiċċju għall-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat.
Ġie installat ukoll apparat teknoloġiku biex tissaħħaħ il-qalba diġitali, inkluż document camera, sistema ta’ audio u video conferencing u sistema ta’ WI-FI ġdida.
Intqal li l-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, li qed igawdu minn ftehim kollettiv li tejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom, jammontaw għal 540.
Il-Ministeru nnota li b’differenza mis-sitwazzjoni preċedenti, il-Qorti għandha ingaġġati magħha numru sostanzjali ta’ professjonisti li jservu bħala 29 court attorneys, 48 judicial assistants u principal legal officer, jiġifieri total ta’ 78 avukat ingaġġat biex jassistu l-ġudikatura.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkompli jressaq riformi leġiżlattivi li jsaħħu l-effettività u l-effiċjenza, kif ukoll se jħabbar aktar proġetti infrastrutturali u diġitali.