Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li minn kemm ilha mwaqqfa l-Enemed, jiġifieri minn Awwissu tal-2014, inbeda pjan ta’ ħidma biex dan is-settur jingħata prijorità u jittellgħu l-istandards għal livell li qatt ma rajna bħalu f’pajjiżna. Għal dan il-għan, l-Enemed nediet strateġija mibnija fuq tliet pilastri—titjib tal-infrastruttura tal-kumpanija, kwalità u żvilupp ta’ prodotti ġodda, kif ukoll titjib tal-istandards tan-network tad-distribuzzjoni.
Il-ministru qal dan waqt l-inawgurazzjoni ta’ pompa tal-petrol fiż-Żejtun—F. Busuttil Service Station—li hija l-ewwel pompa li se tkun sieħba mal-kumpanija Enemed.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Joe Mizzi, li kien akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop, qal li l-kumpanija Enemed tistma li tonfoq madwar €3 miljun fis-sena f’titjib infrastrutturali. Dan minbarra n-nefqa ta’ €70 miljun fi proġetti ġodda li bdiet din is-sena għal impjant ġdid f’Ħas-Saptan, li se ssirlu upgrade tat-tankijiet kollha tal-ħażna ta’ fuels li għandu taħt l-art u se jkun mgħammar bl-aħħar teknoloġija, barra t-tankijiet ġodda fl-ajruport. Ma’ dawn, il-kumpanija daħlet fit-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-pjan biex it-trakkijiet u l-karozzi kollha tal-kumpanija jinbidlu ma’ flotta aktar moderna.
L-Enemed investiet ukoll aktar minn €600,000 f’laboratorju ġdid biex il-kumpanija tiżviluppa prodotti ġodda għas-suq Malti bħal ePOWER, u anke tipprovdi prodotti aħjar fuq is-suq, bħal ma sar permezz tal-introduzzjoni tal-ediesel, li għalkemm għandu l-istess prezz tad-diesel l-antik, hu ta’ kwalità superjuri. Dan id-diesel il-ġdid jgħin biex issir inqas ħsara lil magni tal-karozzi u jitnaqqas it-tniġġiż fl-arja b’mod sostanzjali.
Minbarra prodotti ġodda, l-Enemed ħasbet ukoll biex iddaħħal proċeduri rigorużi ta’ kwalità fejn il-prodott li joħroġ għad-distribuzzjoni fis-suq lokali jiġi ċċertifikat kuljum wara li jkun għadda mit-testijiet meħtieġa. L-Enemed bdiet ukoll programm ta’ kollaborazzjoni ma’ numru ta’ sidien ta’ pompi tal-petrol biex tkun ċerta li l-istandards fis-servizz ikunu ta’ livell internazzjonali.
Il-Ministru Joe Mizzi rringrazzja lill-kumpanija F. Busuttil Service Station li ma qagħditx lura milli tagħmel l-investiment meħtieġ biex tgħolli l-istandards tal-pompa tal-petrol.
Min-naħa tiegħu, Kevin Chircop qal li permezz ta’ dawn il-franchise agreements, is-sewwieq Malti se jkun garantit servizz eċċellenti fejn il-pompi tal-petrol f’dan il-programm se jkunu suġġetti għal skrutinju u awditjar rigoruż mill-kumpanija. Apparti taħriġ lis-sidien u l-pump attendants, se jingħata wkoll għarfien fuq il-kwalità tal-prodott. Dawk il-pompi tal-petrol li għalkemm ibiegħu fuel tal-Enemed mhumiex parti minn dan il-programm, mhux se jkunu suġġetti għal dan l-awditjar rigoruż għalkemm il-kwalità tal-prodotti tal-Enemed hi suġġetta għall-istess kontrolli ta’ kwalità.