Il-budget għas-sena d-dieħla se jalloka l-ikbar investiment għas-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin. Hekk stqarr il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri li nnota kif f’dan iż-żmien fejn id-dinja kollha qed tiffaċċja pandemija, il-Gvern mhux biss ressaq l-ikbar u l-iktar budget soċjali fl-istorja iżda ser ikun qed jinvesti bis-sħiħ fis-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan hekk kif l-erba’ entitajiet ewlenin marbuta mal-forzi tal-ordni għas-sena d-dieħla għandhom investiment kapitali li jlaħħaq it-tletin miljun ewro.
Il-Ministru Byron Camilleri qal: “L-investiment li qed nagħmlu llum fis-sigurtà ta’ pajjiżna huwa sitt darbiet aktar minn dak li ppreżentat l-aħħar amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u allura qegħdin naraw li l-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin flimkien mal-entitajiet l-oħra taħt il-Ministeru tal-Intern qegħdin inkomplu ninvestu fihom għaliex fl-aħħar mill-aħħar dan ser jirrifletti fis-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Ministru Camilleri nnota kif dan il-Gvern qed jinvesti sitt darbiet aktar f’dan il-qasam minn dak investit fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni preċedenti.
Għas-sena d-dieħla l-Protezzjoni Ċivili għandha allokazzjoni ta’ kważi tmien miljun ewro. Għas-sena d-dieħla l-Forzi Armati ta’ Malta għandhom allokazzjoni ta’ tlettax-il miljun u nofs ewro. Ammont li jiżboq bil-kbir l-ammont ta’ miljun u nofs ewro li kien ikun allokat qabel l-2012.
Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ukoll ser tibbenefika minn investiment tas-somma rekord ta’ tlett miljuni u mitejn elef ewro. Dan ukoll b’kuntrast mal-ammont ta’ tliet mija u għaxart elef ewro li kienu jkunu investiti qabel l-2012.
Il-korp tal-pulizija wkoll ra żieda sostanzjali fl-investiment hekk kif għas-sena d-dieħla għandu kważi ħames miljun ewro allokati.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat stqarr li dan kien Gvern bil-għaqal li ħoloq programmi bħal dak tal-IIP li kien strumentali f’dan il-mument fejn pajjiżna mal-kumplament tad-dinja qed jaffaċċja l-pandemija.
Huwa stqarr: “Biex wasalna fejn qegħdin illum kien jeħtieġ pjan, pjan illi fost l-oħrajn varajna numru ta’ programmi li ġġeneraw ħafna ġid, fosthom il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, l-IIP, illi kif jaf kulħadd illum il-ġurnata wasal fit-tmiem tiegħu u ser invaraw dalwaqt l-inizjattiva l-ġdida. Il-flus, l-investiment kollu ġie ġġenerat minn dan il-programm twarrab għal meta ikun hemm il-bżonn.”
Spjega kif dan il-programm ġab lejn pajjiżna ‘l fuq minn €1,500 miljun. Stqarr li t-triq ‘il quddiem fiha l-isfidi tagħha iżda fl-istess waqt dan huwa Gvern li jilqagħhom għaliex jifhem li irid ikun hu li jieħu ħsieb il-ħaddiem u jkompli joħloq ix-xogħol.