Fost id-diversi miżuri fil-budget għas-sena d-dieħla hemm dik tal-qabża diġitali fis-settur tas-Sajd u l-Ħarsien tal-Annimali.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta, Ċertezza u Stabbilità, is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn dan is-settur, Alicia Bugeja Said spjegat li d-diġitalizzazzjoni f’dan il-qasam se ssir permezz ta’ investiment ta’ sitt mitt elf ewro.
“Għandna diversi proġetti u inizzjattivi interessanti kemm għas-settur tas-Sajd, per eżempju d-diġitalizzazzjoni ta’ dan is-settur, se nkunu qegħdin naraw, anki nissimplifikaw il-proċessi għas-sajjieda tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari spjegat ukoll li l-diġitalizzazzjoni hija biss miżura waħda u inizjattivi oħra jikkonsistu f’għajnuna għas-sajjieda għall-manutenzjoni tal-bastimenti tal-injam tagħhom.
Apparti s-settur tas-Sajd, din il-qalba diġitali se tinħass ukoll fis-settur tal-annimali.
Fil-fatt, se jinħoloq sit elettroniku ġdid b’kollaborazzjoni mal-Kummissarju tal-Annimali li mistennija tiffaċilità l-adozzjoni tal-annimali hekk kif din se tinkludi informazzjoni fuq annimali li bħalissa qegħdin jistkennu taħt soqfa ta’ diversi santwarji waqt li jistennew li jsibu dar fejn jistgħu jgawduha għal bqija ta’ ħajjithom.
“Għandna ddedikat mhux inqas minn sitt mitt elf ewro għall-annimali abbandunati fejn jidħol after-care clinic. Qegħdin inħarsu wkoll lejn għajnuna lill-kunsilli lokali sabiex anki l-ħidma tal-gvern fuq il-livell lokali, f’irħula differenti kif ukoll għajnuna lill-voluntiera u s-santwarji differenti permezz tal-Animal Welfare Fund.”
Bugeja Said tenniet li minkejja l-isfidi f’dan is-settur, dan il-Gvern se jimpenja ruħu jaħdem sabiex joffri l-għajnuna neċessarja.