Ġew installati żewġ ġonna vertikali fil-Furjana u Ħaż-Żebbuġ ma’ bini ta’ skola u klabb sportiv. Dan b’investiment ta’ €20,000 ewro sabiex b’hekk b’kollox tħawwlu mal-1,136 pjanta.
Id-Direttur ta’ Proġetti Ambjentali fi ħdan Ambjent Malta Josianne Muscat qalet kif l-iskop ta’ dawn il-proġetti ambjentali huwa li nressqu n-natura aktar viċin iċ-ċittadini fil-qalba tal-irħula.
Hija stqarret: “Hawnhekk Ambjent Malta, kif ukoll fil-Furjana investiet f’dawn il-proġetti fejn ukoll anke l-ispeċi li jintgħażlu għal dawn il-ġnien vertikali, għandhom l-għan li jiġbdu wkoll l-insetti fosthom id-Dakkara.”
Il-Ministru għall-Ambjent u t-tibdil fil-klima, Aaron Farrugia stqarr kif proġetti bħal dawn qed jgħinu lill-komunitajiet biex jiġġieldu l-impatti tat-tibdil fil-klima. Dan hekk kif iservu biex inaqqsu t-temperatura ambjentali.
Huwa qal, “Komplejna bil-ħidma tagħna biex inħaddru l-postijiet urbani ta’ pajjiżna f’żoni fejn ħafna Maltin jgħixu u ta’ fejn jaħdmu.”