Minn din il-ġimgħa, il-passiġġiera li jużaw is-servizz tat-trasport bil-baħar biex jivvjaġġaw bejn il-Belt Valletta u Tas-Sliema qed iżanżnu faċilitajiet ġodda, aċċessibbli għal kulħadd, biex jirkbu jew jinżlu minn fuq il-laneċ f’Marsamxett.
Dwar dan, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, “il-viżjoni tagħna tmur lil hinn minn titjib fl-infrastruttura fuq it-toroq tagħna – nemmnu li rridu nkomplu naħdmu biex ninċentivaw l-użu tal-mezzi alternattivi. Is-servizz tat-trasport pubbliku ta’ kull sena qiegħed jara żidiet sbieħ fil-figuri, biex is-sena l-oħra kellna rekord ta’ aktar minn 53.4 miljun passiġġier. Iżda rridu niftakru li t-trasport pubbliku jinkludi anke l-ferries, u hawnhekk ukoll rajna total ta’ 1.6 miljun passiġġier fl-2018 li kienet żieda ta’ kważi 25% fuq is-sena ta’ qabel. Għalhekk il-Gvern qiegħed jinvesti f’dan is-servizz, u bdejna billi qegħdin intejbu l-ferry landing sites eżistenti”.
Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi tal-proġett tal-ferry landing site ta’ Marsamxett, b’investiment ta’ madwar €200,000 fil-ġimgħat li għaddew. Il-faċilitajiet ġodda issa għaddew f’idejn Transport Malta u l-operaturi tal-Valletta Ferry Services, biex ftit tal-jiem ilu bdew jintużaw biex magħhom jittrakkaw il-laneċ u jniżżlu u jtellgħu l-passiġġiera fil-Belt Valletta. Dawn il-faċilitajiet ġodda jintużaw madwar ħamsa u għoxrin darba kuljum mil-laneċ li joperaw dan is-servizz.
Fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, it-taqsima tal-infrastruttura marittima ta’ Infrastructure Malta mmodernizzat il-faċilitajiet tal-irmiġġ u bniet strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġiera jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. Fit-tieni fażi, li qed tiġi ppjanata li ssir fiż-żmien li ġej, se jinħolqu faċilitajiet ta’ kenn aħjar għal dawk li jkunu qed jistennew biex jirkbu l-laneċ.
Ix-xogħlijiet li saru fix-xhur li għaddew jinkludu tiswijiet fuq il-moll eżistenti, l-introduzzjoni ta’ rampi u passarelli mekkanizzati u l-installazzjoni ta’ strutturi oħrajn relatati mal-irmiġġ. Iż-żona fuq l-art li fiha l-passiġġiera jistennew biex jirkbu l-laneċ ġiet ukoll organizzata aħjar biex tkun aktar aċċessibbli. Saru wkoll poġġamani għal aktar sigurtà għall-passiġġiera.
Permezz ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda, il-laneċ issa jistgħu jittrakkaw min-naħa tal-poppa u b’hekk ikun possibbli li jsir użu miż-żewġ passarelli f’daqqa, biex l-inżul u t-tlugħ tal-passiġġiera jsir b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, m’hemmx aktar għalfejn li l-laneċ jintrabtu mal-moll qabel jibdew itellgħu jew iniżżlu l-passiġġiera. B’hekk, jonqos ukoll ir-riskju ta’ dewmien fil-ħinijiet tas-servizz.
L-istruttura tal-passarelli mekkanizzati tipprovdi possibilità biex il-passiġġiera kollha, anke dawk b’diffikultajiet ta’ mobilità, ikollhom aċċess aktar komdu għal-laneċ ta’ dan is-servizz. Il-passarelli mekkanizzati ġodda għandhom ukoll mekkaniżmu li jikkumpensa għat-tibdil ta’ frugħ il-baħar, biex jibqgħu dejjem aċċessibbli għal kulħadd.
“Permezz ta’ dan l-investiment, qed intejbu il-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport bil-baħar, biex aktar persuni jibdew jużaw dan il-mezz ta’ vjaġġar bħala alternattiva sostenibbli għall-karozzi privati. Inħares ‘il quddiem biex fix-xhur li ġejjin, Infrastructure Malta tibda tibni faċilitajiet ġodda simili għall-passiġġiera li jużaw is-servizz ta’ trasport bil-baħar mill-waqfiet ta’ Tas-Sliema u ta’ Bormla. B’hekk, tkompli titjieb l-aċċessibilità u l-effiċjenza ta’ dan is-servizz ta’ trasport importanti fl-inħawi tal-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett”, qal il-Ministru Borg.
Dawn il-proġetti huma kofinanzjati mill-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd (EMFF) tal-Unjoni Ewropea.