Il-Gvern se jinvesti fit-teknoloġija magħrufa bħala ‘Intelligent Traffic Management System’, li tikkontribwixxi biex ikun hemm titjib fl-influss tat-traffiku.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, fil-qari tal-Baġit għas-sena d-dieħla bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Dwar it-traffiku, il-Ministru Caruana wkoll qal li l-Gvern qiegħed iħares lejn numru ta’ proposti li jistgħu jitwettqu f’qasir żmien biex jittaffew il-konġestjonijiet, speċjalment fil-ħinijiet l-aktar beżlin ta’ filgħodu u waranofsinhar. Dan anke billi l-pajjiż jibda jaddatta għal ekonomija moderna mifruxa fuq 24 siegħa kuljum, b’servizzi li jingħataw f’ħinijiet differenti.
Minbarra hekk, matul il-ġimgħat li ġejjin, se jitlestew kompletament proġetti ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Tal-Barrani, f’Ħal Qormi u anke f’Ħal Kirkop.